For faster navigation, this Iframe is preloading the Wikiwand page for Stojċiżmu.

Stojċiżmu

Żenone ta' Ċizju (c.334 QK – c.262 QK), fundatur

L-iStojċiżmu (Grieg Στωικισμός) huwa skola ta' filosofija Ellenistika mwaqqfa f'Ateni minn Żenone ta' Ċizju fis-snin bikrin tas-seklu III QK. L-Istoċji kienu jemmnu li l-emozzjonijiet distruttivi jirriżultaw minn żbajli fil-ġudizzju, u li għaref, jew "persuna ta' perfezzjoni morali u intellettwali," ma tbatix minn emozzjonijiet bħal dawn.[1]

L-Istojċi kienu interessati ferm fir-relazzjoni attiva bejn id-determiniżmu kożmiku u r-rieda ħielsa tal-bniedem, u t-twemmin li huwa virtwuż li wieħed ikollu rieda (msejħa prohairesis) li tkun taqbel man-natura. Minħabba dan, l-Istojċi ppreżentaw il-filosofija tagħhom bħala mod ta' ħajjaa, u għallmu li l-aħjar indikazzjoni ta' liema filosofija wieħed iħaddan ma kenitx dak li wieħed jgħid, imma dak li wieħed jagħmel.[2]

L-Istojċi li dehru iktar tard, Seneka u Epittetu, emfażizzaw li minħabba li l-"virtù hi biżżejjed għall-kuntentizza," l-għaref huwa immuni għall-isfortuna. Dat-twemmin huwa simili għat-tifsira tal-frażi 'kalma stojka', għalkemm il-frażi ma tinkludix il-pożizzjoni etika radikali tal-Istojċi li l-għaref biss jista' jiġi meqjus verament ħieles, u li l-korruzzjonijiet morali huma kollha vizzjużi bl-istess mod.[1]

Mit-twaqqif tagħha, id-duttrina Stojka kienet filosofija popolari u dewwiema, b'appoġġ madwar il-Greċja u l-Imperu Ruman, inkluż mill-Imperatur Marku Awrelju, sal-għeluq tal-iskejjel kollha tal-filosofija fis-sena 529 WK, b'ordni tal-Imperatur Ġustinjanu I, li ra l-karattru pagan tagħhom bħala kunfliġġenti mat-twemmin Nisrani.[3]


Prinċipji Bażiċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-filosofija ma twiegħed li tiżgura xejn estern għall-bniedem, inkella tkun qed tammetti xi ħaġa li tinsab lil hinn mis-suġġett proprju tagħha. Għax kif il-materja tal-mastrudaxxa huwa l-injam, u dak tal-istatwarju l-bronż, hekk is-suġġett tal-mod ta' kif kull persuna għandha tgħix hi proprju l-ħajja nfisha tal-istess persuna.

—Epiktetu[4]

L-Istojċi pprovdew deskrizzjoni unifikata tad-dinja, li tikkonsisti f'loġika formali, fiżika li m'hiex dwalistika, u etika naturalista. Minn dawn, huma emfażizzaw l-etika bħala l-għan prinċipali tal-għarfien tal-bniedem, allura t-teoriji loġiċi tagħhom kienu iktar ta' interess għal filosfi li ġew aktar tard.

L-istojċiżmu jippromwovi l-iżvilupp tal-awto-kontroll u l-fortitudni bħala mezz kif wieħed jegħleb emozzjonijiet distruttivi; il-filosofija ssostni li aktar ma wieħed isir ħassieb ċar u mingħajr preġudizzju, wieħed joqrob dejjem iktar biex jifhem ir-raġunament universali (logos). Aspett importanti tal-istojċiżmu jinvolvi t-titjib tas-saħħa morali u etika tal-individwu: "Il-virtù tikkonsisti f'rieda li taqbel man-Natura."[5] Dan il-prinċipju japplika wkoll għar-relazzjonijiet interpersonali; "biex wieħed ikun ħieles mir-rabja, mill-għira, u l-ġelożija,"[6] wieħed għandu jaċċetta anke li l-iskjavi huma "daqs nies oħra, għaliex il-bnedmin kollha huma prodott tan-natura bl-istess mod."[7]

L-etika Stojka tħaddan prospettiva deterministika; rigward dawk neqsin mill-virtǜ Stojka, Cleanthes darba qal li r-raġel ħażin huwa bħal "kelb marbut ma' karru, imġiegħel imur kulfejn imur il-karru."[5] Dak li għandu l-virtǜ Stojka, min-naħa l-oħra, jibdel għemilu biex jaqbel mad-dinja u jibqa', fi kliem Epittetu, "marid iżda kuntent, fil-periklu iżda kuntent, qed imut iżda kuntent, eżiljat iżda kuntent, fil-grazzja u kuntent,"[6] u b'dan il-mod jippostula rieda individwali "kompletament awtonoma", u fl-istess ħin univers li huwa "riġidament deterministiku, sħiħ u waħdani".

Fid-dinja Ellenistika u fl-Imperu Ruman, l-Istojċiżmu kien l-aktar filosofija popolari fost dawk edukati,[8] daqshekk li, fi kliem Gilbert Murray "kważi s-suċċessuri kollħa ta' Alessandu [...] stqarru lilhom infushom Stojċi."[9]


Antistene, fundatur tal-iskola Ċinika

Għall-ħabta tas-sena 301 QK, Żenone ta' Ċizju beda jgħallem il-filosofija fl-Stoa Poikile (i.e., "il-veranda mprittra"), minn fejn il-filosofija tiegħu ħadet isimha.[10] Bil-maqlub ta' skejjel filosofiċi oħrajn, fosthom l-Epikurej, Żenone għażel li jgħallem il-filosofija tiegħu fi spazju pubbliku, loġoġ li jgħatu għall-iktar misraħ ċentrali t'Ateni, l-Agora.

L-ideat ta' Żenone żviluppaw minn dawk taċ-Ċiniċi, li l-fundatur tagħhom, Antistene, kien dixxiplu ta' Sokrate. L-iktar dixxiplu influwenti ta' Żenone kien Krisippu, li kien responsabbli tal-iffurmar ta' dak li llum jissejjaħ Stojċiżmu. Stojċi Rumani li ġew iktar tard iffukaw fuq it-tagħlim ta' ħajja f'armonija mal-univers, li fuqu wieħed m'għandu ebda kontroll dirett.

L-istudjużi ġeneralment jaqsmu l-istorja tal-Istojċiżmu fi tliet fażijiet:

  • L-Istoa Bikrija, minn meta ġiet fundata l-iskola minn Żenone sa Antipatru;
  • L-Istoa Nofsana, li tinkludi lil Panazju u lil Posidonju;
  • L-Istoa tal-Aħħar, li tinkludi lil Mużonju Rufu, lil Seneka, lil Epittetu, u lil Marku Awrelju.

Kif jgħid A. A. Long, ma ssopraviva l-ebda xogħol Stojku sħiħ mill-ewwel żewġ fażijiet tal-Istojċiżmu. Baqa' biss kitbiet Rumani mill-Istoa tal-Aħħar.[11]

Loġika Stojka

[immodifika | immodifika s-sors]

Loġika Propożizzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Djodoru Kronu, wieħed mill-għalliema ta' Żenone, huwa kkunsidrat l-ewwel filosfu li introduċa u żviluppa l-metodu loġiku magħruf bħala l-loġika propożizzjonali. Dan huwa metodu bbażat fuq stqarrijiet u propożizzjonijiet, iktar milli termini, u dan jagħmlu differenti ħafna mil-loġika tat-termini t'Aristotli. Iktar tard, Krisippu żviluppa dan il-metodu loġiku f'sistema li saret magħrufa bħala l-loġika Stojka u inkluda sistema deduttiva (is-silloġistika Stojka) li kienet meqjusa rivali tas-silloġistika t'Aristotli. Fis-seklu XX qam interess interess ġdid fil-loġika Stojka, meta żviluppi importanti fil-loġika kienu bbażati fuq il-loġika propożizzjonali. Susanne Bobzien tgħid li "l-ħafna xebħ bejn il-loġika filosofika ta' Krisippu u dik ta' Gottlob Frege huwa impressjonanti."[12]

Bobzien tinnota wkoll li "Krisippu kiteb 'il fuq minn 300 ktieb dwar il-loġika, tista' tgħid fuq is-suġġetti kollha li jikkonċernaw 'il-loġika tal-lum, inkluż it-teorija tal-atti lingwistiċi, l-analiżi tas-sentenzi, espressjonijiet singulari u plurali, tipi ta' predikati, l-indessikali, propożizzjonijiet eżistenzjali, il-konnettivi sentenzjali, in-negattivi, id-diżġunzjoni, il-kondizzjonali, il-konsegwenz loġika, l-forom t'argumenti validi, it-teorija tad-deduzzjoni, il-loġika propożizzjonali, il-loġika modali, il-loġika tat-tensi, il-loġika epistemoloġika, il-loġika tas-suppożizzjoni, il-loġika tal-imperativi, paradossi dwar l-ambigwità u l-loġika."[12]

Il-Kategoriji Stojċi

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istojċi kienu jemmnu li l-kewn (ὄντα) kollu -- għalkemm mhux l-oġġetti kollha (τινά) -- huwa materjali. Huma aċċettaw id-distinzjoni bejn affarijiet konkreti u oħrajn Oġġett astratt, iżda ċaħdu t-twemmin ta' Aristotli li jeżisti kewn purament inkorporali. Huma aċċettaw l-idea t'Anassagora (bħalma għamel Aristotli) li jekk oġġett ikun jaħraq, ikun hekk għaliex ikun daħal fih xi ftit minn massa universali ta' sħana. Iżda, bil-maqlub ta' Aristotli, huma estendew l-idea biex tkopri l-aċċidenti kollha. Allura, jekk oġġett huwa aħmar, huwa hekk għaliex ikun daħal fih xi parti minn massa universali ta' ħmura.

Huma kienu jsostnu li hemm erba' Kategoriji.

sustanza (ὑποκείμενον)
Il-materja primarja, sustanza mingħajr forma, (ousia) li minnha l-affarijiet huma magħmulin
kwalità (ποιόν)
Il-mod kif il-materja hi organizzata biex tifforma oġġett individwali; fil-fiżika Stojka, ingredjent fiżiku (pneuma: arja jew nifs), li jifforma l-materja
dispożizzjoni (πως ἔχον)
Karatteristiċi partikolari, mhux preżenti fl-oġġett, bħad-daqs, l-għamla, l-azzjoni u l-qagħda
dispożizzjoni b'relazzjoni ma' xi ħaġa (πρός τί πως ἔχον)
Karatteristiċi relatati ma' fenomena oħrajn, bħall-pożizzjoni ta' oġġett fi żmien u spażju relativ m'oġġetti oħrajn

Epistemoloġija

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istojċi kienu jemmnu li l-għarfien jista' jinkiseb permezz tar-raġuni. Il-verità tista' tingħaraf mill-fallaċja; anke jekk, fil-prattika, tista' ssir biss approssimazzjoni. Skont l-Istojċi, is-sensi l-ħin kollu jirċievu sensazzjonijiet: taħbit li jgħaddi mill-oġġetti għas-sensi, għall-menti (moħħ), fejn iħallu impressjoni fuq l-immaġinazzjoni (fantasija). (Impressjoni li tqum mill-moħħ innifsu kienet tissejjaħ fantażma.)[13]

Il-menti għandu l-abiltà li jiġġudika (sunkatathesis)—japprova jew jirriġetta—impressjoni, bil-fakultà li jagħrab bejn rappreżentazzjoni veritiera tar-realtà minn waħda falza. Xi impressjonijiet jistgħu jinkisbu mill-ewwel, iżda oħrajn jistgħu jiksbu biss gradi varji t'approvazzjoni dubjuża, li tista' tissejjaħ twemmin jew opinjoni (doxa). Huwa biss permezz tar-raġuni li jirbexxielna niksbu fehma u konviżjoni ċara (katalepsis). Għarfien ċert u veru (episteme), li seta' jintlaħaq mill-għaref Stojku, jista' jinkiseb biss billi wieħed jivverifika l-konvizjoni mal-għarfien espert t'oħrajn fis-suġġett, u l-ġudizzju kollettiv tal-umanità.

Fassal definizzjoni jew deskrizzjoni tal-oġġett quddiemek, biex tara ċar x'tip ta' oġġett hu fis-sustanza tiegħu, fl-għera tiegħu, fis-sħuħija tiegħu, u lissen ismu proprja, u l-ismijiet tal-affarijiet li minnhom hu magħmul, u li fihom ser ikun riżolt. Għaliex, fl-elevazzjoni tal-menti, xejn m'hu produttiv daqs l-abiltà li wieħed jeżamina b'mod metodiku u veritier kull oġġett ippreżentat tul il-ħajja, u li dejjem wieħed iħares lejn l-affarijiet b'tali mod li, fl-istess ħin, jara x'tip ta' univers dan hu, u x'tip ta' użu għandu kollox fih, u x'valur għandu kollox b'referenza ma' kollox.
– Marku Awrelju, Meditazzjonijiet, iii. 11.


Il-fiżika u l-kożmoloġija Stojka

[immodifika | immodifika s-sors]
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: il-Fiżika Stojka.

Skont l-Istojċi, l-univers huwa sustanza materjali u li tirraġuna, u huwa magħruf bħala Alla jew Natura. L-Istojċi qasmu n-natura f'żewġ klassijiet: l-attiv u l-passiv. Is-sustanza passiva hi l-materja, li "hi kajmana, sustanza lesta għal kwalunkwe użu, iżda wkoll ċerta li tibqa' bla użu jew xejn ma jġiegħla tibda."[14] Is-sustanza attiva, li tista' tissejjaħ ix-xorti, jew ir-Raġuni Universali (Logos), hi eteru intelliġenti, jew nar primordjali, li jwettaq fuq il-materja passiva:

L-univers innifsu huwa alla u l-versament universali ta' ruħu; huwa l-prinċipju li jiggwida 'l din id-dinja, il-prinċipju wara l-menti u r-raġuni, flimkien man-natura komuni bejn l-affarijiet u t-totalita' li tgħaqqad il-kewn kollu; imbagħad il-qawwa u l-bżonn preordinat tal-futur; imbagħad in-nar u l-prinċipju tal-eteru; imbagħad dawk l-elementi li l-istat naturali tagħhom huma wieħed ta' fluss u tranżizzjoni, bħall-ilma, l-art, u l-arja; imbaghad ix-xemx, il-qamar, il-kwiekeb; u l-kewn universali li fih kollox jinsab.
– Krisippu, f'Ċiċerun, de Natura Deorum, i.

Kollox huwa suġġett għal-liġijiet tax-Xorti, għaliex l-Univers jaġixxi biss skont in-natura tiegħu, u n-natura tal-materja passiva li jiggverna. L-erwieħ tal-bnedmin u l-annimali joħorġu minn dan-nar primordjali u huma, ukoll, suġġetti għax-Xorti:

Dejjem ħares lejn l-univers bħala essri wieħed ħaj, li għandu sustanza waħda u ruħ waħda; u osserva kif kollox għandu referenza għal perċezzjoni waħda, il-perċezzjoni ta' dal-essri wieħed ħaj; u kif kollox jaġixxi b'moviment wieħed; u kif kollox huwa l-kawża kooperattiva ta' kull ma jeżisti; osserva wkoll it-tinsiġa kontinwa tal-ħajta u l-istruttura tal-għanqbuta.
– Marku Awrelju, Meditazzjonijiet, iv. 40.

Erwieħ individwali min-natura tagħhom jispiċċaw, u jistgħu jiġu "mibdulin u diffużi, u jassumu natura qalila billi jintlaqgħu fir-Raġuni Seminali (logos spermatikos) tal-Univers."[15] Peress li r-raġuni korretta hi l-pedament kemm tal-umanità kif ukoll tal-univers, jirriżulta li l-għan tal-ħajja hu li wieħed jgħixa skont ir-Raġuni, ċioè, li wieħed jgħix ħajtu skont in-Natura.


L-etika u l-virtù Stojka

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istojċi tal-antik huma ħafna drabi mifhumin ħażin għaliex it-termini li kienu jużaw kienu parti minn kunċetti differenti minn dawk tal-lum. Il-kelma 'stojku' llum tfisser 'bla emozzjonijiet' jew indifferenti għall-uġiegħ, għaliex l-etika Stojka tgħallem il-ħelsien mill-'passjoni' permezz tar-'raġuni'. L-Istojċi ma fittxewx li jitfu l-emozzjonijiet; pjuttost, fittxew li jittrasformaw ruħhom permezz t' 'askēsis' li jħalli 'l persuna trawwem ġudizzju ċar u kalma ġewwiena.[16] Il-Loġika, ir-riflessjoni, u l-konċentrazzjoni kienu l-metodi li jwasslu għal din l-awto-dixxiplina.

B'self miċ-Ċiniċi, il-pedament tal-etika Stojka hu li t-tajjeb jinsab fl-istat tar-ruħ infisha; fl-għerf u fl-awto-kontroll. L-etika Stojka emfażizzat ir-regola: "Imxi fejn tieħdok ir-raġuni." Allura, wieħed għandu jagħmel ħiltu biex jinħeles mill-passjonijiet, waqt li jżomm f'moħħu li t-tifsira antika ta' 'passjoni' kienet "dieqa" jew "tbatija",[17] jiġifieri, li wieħed jirreaġixxi "passivament" għal avvenimenti esterni — kemmxejn differenti mill-użu modern tal-kelma. Kienet issir distinzjoni bejn παθος (pathos) (plural: pathe) li normalment tiġi tradotta għal passjoni, propathos jew reazzjoni istintiva (eż., li wieħed jibjad meta jiffaċċja periklu fiżiku) u eupathos, li hi l-marka tal-għaref Stojku (sophos). L-eupatheia huma sentimenti li jirriżultaw minn ġudizzju tajjeb, bl-istess mod li l-passjonijiet huma riżultat ta' ġudizzji ħżiena.

L-idea kienet li wieħed jinħeles mit-tbatija permezz tal-apatheia (Grieg: ἀπάθεια))) jew paċi mentali (litteralment,'bla passjoni'),[18] fejn paċi mentali kienet mifhuma fis-sens antik - li wieħed ikun oġġettiv jew li jkollu "ġudizzju ċar" u li jżomm rasu fuq għonqu meta jiffaċċja t-tlugħ u l-inżul tal-ħajja.

Għall-Istojċi, ir-'raġuni' fissret mhux biss l-użu tal-loġika, imma wkoll li wieħed jifhem il-proċess tan-natura - il-logos, jew ir-raġuni universali, inerenti fl-affarijiet kollha. Li wieħed jgħix skont ir-raġuni u l-virtù, huma kienu jsostnu, ifisser li wieħed jgħix f'armonija mal-ordni divin tal-univers, f'għarfien tar-raġuni komuni u l-valur essenzjali tal-bnedmin kollha. L-erba' virtujiet kardinali tal-filosofija Stojka huma l-għerf (Sophia), il-kuraġġ (Andreia), il-ġustizzja (Dikaiosyne), u t-temperanza (Sophrosyne), klassifikazzjoni derivata mit-tagħlim ta' Platun.

Ispirati minn Sokrate, l-Istojċi kienu jsostnu li d-dieqa u l-ħażen huma riżultat tal-injuranza tal-bniedem fejn tidħol ir-raġuni fin-natura. Meta wieħed ikun kattiv, ikun hekk għaliex ma jkunx konxju mir-raġuni universali tiegħu stess, li twassal għall-ġentilezza. Is-soluzzjoni għall-ħażen u d-dieq allura hi l-prattika tal-filosofija Stojka - li wieħed jeżamina l-ġudizzji u l-attitudni tiegħu stess u jiddetermina fejn dawn jitbiegħdu mir-raġuni universali tan-natura.

L-Istojċi kienu jaċċettaw li għaref jagħmel suwiċidju, f'ċirkostanzi li jistgħu ma jħalluhx jgħix ħajja virtwuża.[19] Plutarku sostna li kieku Kato aċċetta li jgħix taħt tirannija, allura kien ikun qed jikkomprometti l-awto-konsistenza (constantia) bħala Stojku u kien jitlef mil-libertà li jagħmel għażliet morali onorevoli.[20] Is-suwiċidju jista' jiġi ġustifikat jekk wieħed jaqa' vittma ta' uġiegħ jew mard serju; [19] jekk mhux għal dawn, is-suwiċidju jiġi kkunsidrat bħala ċ-ċaħda tad-dmir soċjali li wieħed għandu.[21]

Id-duttrina tal-"affarijiet indifferenti"

[immodifika | immodifika s-sors]

F'termini filosofiċi, affarijiet li huma indifferenti ma jaqgħux taħt it-tħaddim tal-liġi morali, jiġifieri m'għandhomx it-tendenza li jew jippromwovu, jew itellfu, għan morali. Azzjonijiet li la huma meħtieġa u l-anqas ipprojbiti mil-liġi morali, jew li ma jaffettwawx il-moralità, jissejħu moralment indifferenti. Id-duttrina tal-affarijiet indifferenti (ἀδιάφορα, adjafora) kellha l-bidu taggħa fl-iskola Stojka bħala konsegwenza tal-oppożizzjoni dijametrika tagħha tal-virtù u l-vizzju. B'riżultat ta' din id-dikotomija, numru kbir ta' oġġetti tħallew bla ma ġew assenjati u allura tqiesu indifferenti.

Eventwalment, ġew żviluppati tliet sub-klassijiet t'"affarijiet indifferenti":

  • affarijiet li wieħed għandu jippreferi, għaliex jgħinu biex wieħed jgħix ħajtu skont in-natura;
  • affarijiet li jtellfu;
  • u affarijiet indifferenti fis-sens dejjaq.

Il-prinċipju ta' adjafora kien anke komuni maċ-Ċiniċi u x-Xettiċi. It-tfassil tal-affarijiet indifferenti, skont Kant, imur lil hinn mill-morali. Id-duttrina tal-affarijiet indifferenti reġgħet tqajmet fir-Rinaxximent minn Philip Melanchthon.

Eżerċizzju spiritwali

[immodifika | immodifika s-sors]
Marku Awrelju, l-imperatur Stojku

Il-filosofija, għall-Istojku, m'hijiex biss ġabra ta' twemmin jew tisħiq etiku, iżda mod ta' ħajja li jinvolvi prattika kostanti u taħriġ (jew askesis, ara Axetiċiżmu). Il-prattiċi filosofiċi u spiritwali Stojċi kienu jinkludu l-Loġika, id-djalogu Sokratiku u l-awto-djalogu, il-kontemplazzjoni dwar il-mewt, it-taħriġ tal-attenzjoni biex tibqa' fil-mument preżenti (simili għal xi forom ta' meidtazzjoni fil-Lvant), rifflessjoni ta' kuljum dwar problemi ta' kuljum u s-soluzzjoni possibbli, hypomnemata, eċċ. Il-filosofija għall-Istojku hi proċess attiv ta' prattika u tifkir kontinwu.

Fil-Meditazzjonijiet tiegħu, Marku Awrelju fisser numru ta' prattiċi ta' dan it-tip. Pereżempju fl-ewwel parti tat-tieni ktieb jikteb:

Kull għodwa tenn lilek innifsek: illum ser niltaqa' ma nies ingrati, vjolenti, tradituri, għajjurin, egoisti. Dawn huma hekk minħabba nuqqas t'għarfien ta' x'inhu verament tajjeb u ħażin... la jista' ħadd minnhom iweġġani, għaliex ħadd m'hu ħa jdaħħalni fil-ħażen, u l-anqas ma nista' ninkorla ma' sħabi jew nobgħodhom; għaliex aħna ġejna fid-dinja biex naħdmu filmkien...

Qabel Awrelju, Epittetu fid-"Diskorsi" iddintingwa bejn tliet topoi: il-ġudizzju, ix-xewqa u l-inklinazzjoni.[22] Skont il-filosfu Franċiż Pierre Hadot, Epittetu jidentifika dawk it-tliet atti mal-loġika, il-fiżika u l-etika rispettivament.[23] Hadotjikteb li fil-Meditazzjonijiet "kull massima tiżviluppa waħda minn dawn it-topoi karatteristiċi, jew tnejn minnhom, jew tlieta."[24]

Il-prattiċi t'eżerċizzi spiritwali ġew deskritti minn Seamus Mac Suibhne bħala influwenti fuq dawk li jipprattikaw ir-riflessjoni.[25] Similaritajiet bejn l-eżerċizzji spiritwali Stojċi u t-terapija tal-imġieba konjittiva kienu deskritti fit-tul f'The Philosophy of Cognitive-Behavioural Therapy ta' Robertson.[26]

Il-filosofija soċjali

[immodifika | immodifika s-sors]

Karatteristika distinta tal-Istojċiżmu hu l-kożmopolitaniżmu tagħha: Il-bnedmin kollha huma manifestazzjonijiet tal-ispirtu waħdieni tal-univers u jridu jgħixu f'imħabba fraterna u jkunu lesti jgħidu lil xulxin. Fid-Diskorsi tiegħu, Epittetu jikkummenta dwar ir-relazzjoni tal-bniedem mad-dinja u jgħid li "kull bniedem huwa l-ewwel u qabel kollox ċittadin tal-unità tiegħu stess; iżda huwa wkoll ċittadin ta' belt kbira ta' allat u bnedmin oħra, u li l-politika tagħha hi kopja ta' dik tiegħu."[27] Dan is-sentiment jirrifletti dak ta' Djoġene ta' Sinope, li qal, "Jien la jien ċittadin ta' Ateni u l-anqas ta' Korintja, iżda ċittadin tad-dinja."[28]

L-Istojċi kienu jsostnu li d-differenzi esterni, bħall-grad u l-flus, m'huma t'ebda importanza f'relazzjonijiet soċjali, għall-kuntrarju ta' fraternità bejn l-umanità u ugwaljanza bejn il-bnedmin kollha.

Punt ieħor partikolari kienet il-ħeġġa għall-ħniena lejn l-iskjavi. Seneka kien iħeġġeġ, "Ftakar li dak li inti ssejjaħ l-iskjav tiegħek ħareġ mill-istess zokk, huwa mżiegħel mill-istess sema tiegħek, u bl-istess mod tiegħek jieħu n-nifs, jgħix, u jmut."[29]


L-Istojċiżmu u l-Kristjaneżmu

[immodifika | immodifika s-sors]
Ara wkoll: Neostojċiżmu

L-ikbar differenza bejn iż-żewġ filosofiji hu l-panteiżmu tal-Istojċiżmu, fejn Alla qatt m'hu kompletament tranxendenti imma dejjem immanenti. Alla bħala entita ħallieqa huwa personalizzat fil-ħsieb Nisrani, iżda l-Istojċiżmu jwaħħad lil Alla mas-sħuħija tal-univers; l-idea stojka li l-kewn kollu huwa korporju kienet fundamentalment kuntrarja għall-Kristjaneżmu. Barra minn hekk, l-Istojċiżmu, bil-maqlub tal-Kristjaneżmu, ma jistipula la bidu u l-anqas għall-univers, u l-anqas ma jsostni li l-individwu jibqa' ħaj wara l-mewt.[30]

Aktar tard, l-Istojċiżmu kien meqjus mid-Dutturi tal-Knisja bħala 'filosofija pagana',[3] iżda minkejja dan, uħud mill-kunċetti filosofiċi ewlenin tal-Istojċiżmu kienu użati minn kittieba bikrin Insara. Xi eżempji: "logos", "virtù", "Spirtu", u "kuxjenza".[30] Iżda x-xebħ imur lil hinn mit-terminoloġija komuni. Kemm l-Istojċiżmu kif ukoll il-Kristjaneżmu jsostnu ħelsien ġewwieni meta ffaċċati bid-dinja esterna, twemmin fi fratellanza bejn il-bniedem u n-Natura (jew Alla, imsejjaħ pneuma mill-Istojċi), u sens ta' ħżunija ġewwiena -- jew "ħażen persistenti" -- fil-bniedem[30] kif ukoll il-futilità u t-temporanjetà tal-passjonijiet u l-attakkamenti materjali. It-tnejn inkoraġġew Ascesis tal-passjoni u l-emozzjonijiet inferjuri (bħar-regħba, l-għira u r-rabja) sabiex il-possibilitajiet iktar għoljin tal-umanità ta' dak li jkun ikunu jistgħu jitqajmu u jiġu żviluppati.

Kitbiet Stojċi bħall-Meditazzjonijiet ta' Marku Awrelju intlaqgħu tajjeb ferm minn ħafna Nsara tul is-sekli. L-ideal Stojku tal-apatija huwa aċċettat sal-ġurnata tal-lum bħala l-istat morali perfett mill-Knisja Ortodossa. San Ambroġu ta' Milan kien magħruf għall-użu ta' filosofija Stojka fit-teoloġija tiegħu.


Il-kelma "stojku" spiss tfisser xi ħadd indifferenti għall-uġiegħ, għall-pjaċir, għan-niket, jew għall-ferħ. L-użu modern għal "persuni li ma jurux x'qed iħossu u li jsofru bil-paċenzja" kien użat għall-ewwel darba bħala nom fl-1579, u fl-1596 bħala aġġettiv.[31] B'kuntrast mat-terminu "epikurju", l-artiklu fl-iStanford Encyclopedia of Philosophy's jgħid li "s-sens tal-aġġettiv Ingliż 'stoical' m'huwhiex kompletament qarrieqi dwar l-oriġini filosofiċi tiegħu".[1]


Kwotazzjonijiet Stojċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn huma xi kwotazzjonijiet minn filosfi Stojċi ewlenin, magħżulin biex juru twemmin komuni tal-Istojċi:

Epittetu:

  • "Il-ħelsien ma jintlaħaqx bis-sodisfazzjon tax-xewqat tal-bniedem, iżda bit-tneħħija tax-xewqa." (iv.1.175)
  • "Fejn hu t-tajjeb? Fir-rieda. Fejn hu l-ħażen? Fir-rieda. Fejn la jinsab wieħed u l-anqas l-ieħor? F'dawk l-affarijiet li huma indipendenti mir-rieda." (ii.16.1)
  • "Mhux l-affarijiet itellfu lill-bniedem, iżda l-mod kif hu jħares lejhom." (Ench. 5)
  • "Jekk, allura, xi ħadd ikun imdejjaq, ħallih jiftakar li hu waħdu l-kaġun tad-dwejjaq tiegħu." (iii.24.2)
  • "In-natura tiffurmani għall-ġid tiegħi stess: m'inhix iffurmat għall-ħażen tiegħi stess." (iii.24.83)
  • "Tħalli jeħel xejn miegħel li mhux tiegħek; xejn li jikber fuqek li se jgħaddik agunija meta jitneħħielek." (iv.1.112)

Marku Awrelju:

  • "Eħles mill-ġudizzju, eħless minn 'Qed inbati', u tkun ħlist mit-tbatija infisha." (viii.40)
  • "Kollox huwa tajjeb għalija, li hu tajjeb għalik, O Univers. Xejn għalija m'hu la kmieni wisq jew tard wisq, li għalik huwa f'ħinu. Dak kollu li jġibu l-istaġuni tiegħek hu frott għalija, O Natura. Minnek ġej kollox, fik jinsab kollox, lejk kollox jirritorna." (iv.23)
  • "Jekk taħdem fuq dak li għandek quddiemek, timxi mar-raġuni bis-serjetà, bil-qawwa, bil-kalma, mingħajr ma tħalli xejn itellfek, iżda żżomm il-parti divina tiegħek pura, daqs li kieku marbut li tagħtiha lura; jekk tgħożż dan, mingħajr ma tistenna xejn, iżda kuntent tgħix illum skont in-natura, waqt li tgħid il-verità erojka f'kull kelma li tlissen, allura tgħix ħieni. U m'hemm ħadd li jista' jwaqqfek." (iii.12)
  • "Kemm hu ridikolu u stramb li wieħed ikun sorpriż b'dak li jiġri f'ħajtu!" (xii.13)
  • "Affarijiet esterni ma jistgħux imissu 'r-ruħ, l-anqas bl-inqas mod possibbli; l-anqas ma jistgħu jidħlu fir-ruħ, l-anqas ma jistgħu idawru jew imexxu r-ruħ; iżda r-ruħ iddur u tmexxi lilha nfisha waħidha." (v 19)
  • "Minkejja li saħħtek ma tiflaħx għax-xogħol li għandha quddiema, tassumix li ħadd ma jiflaħ għalih; iżda dak kollu li hu possibbli għal ħaddieħir, emmen li huwa wkoll possibbli għalik." (vi.19)
  • "Jew hi r-reputazzjoni tiegħek li qed iddejqed? Imma ħares lejn kemm ser nintesew malajr. L-abbiss tal-ħin infinit li jibla' kollox. Il-vojt ta' dawk l-idejn iċapċpu." (iv.3)

Seneka ż-Żgħir:

  • "Il-punt m'huwiex kemm ser iddum ħaj, imma kemm ser tgħix nobbli." (Ep. 101.15)
  • "Dak li l-Fortuna ma tatx, ma tistax tieħdu lura." (Ep. 59.18)
  • "Ħalli n-Natura tieħu ħsieb il-materja, li hi tagħha, kif jogħġob lilha; ejja lkoll inkunu ferrieħa u qalbiena quddiem kollox, niftakru li m'hemm xejn tagħna li jispiċċa." (De Provid. v.8)
  • "Il-virtù m'hi xejn ħlief ir-raġunament korrett." (Ep. 66.32)

Filosfi Stojċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Ara: Lista ta' filosfi Stojċi
  • Żenone ta' Ċizju (332–262 QK), fundatur tal-Istojċiżmu u tal-Akkademja Stojka (Stoa) f'Ateni
  • Aristo ta' Kjos, student ta' Żenone;
  • Erillu ta' Kartaġni
  • Kleante (ta' Assos) (330–232 QK), it-tieni kap tal-Akkademja Stojka
  • Krisippu (280–204 QK), it-tielet kap tal-Akkademja
  • Djoġene ta' Babilonja (230–150 QK)
  • Antipatru ta' Tarsu (210–129 QK)
  • Panatju ta' Rodi (185–109 QK)
  • Posidonju t'Apameja (c. 135–51 QK)))
  • Djodotu (c. 120–59QK), għalliem ta' Ċiċerun
  • Kato ż-Żgħir (94–46 QK)
  • Seneka (4QK–65 WK)
  • Mużonju Rufu
  • Rubellju Plawtu
  • Trasea Petu
  • Epittetu (55–135 WK)
  • Jerokle (it-Tieni seklu WK)
  • Marku Awrelju (121–180 WK)


  • Glossarju ta' termini Stojċi
  • Skola Megarja
  • Pneuma
  • Kategoriji (Stojċiżmu)
  • Lista ta' filosfi Griegi tal-qedem
  • Liġi Naturali Stojka


  1. ^ a b ċ Baltzly, Dirk (2019). "Stoicism". F' Zalta, Edward N. (ed.). Stanford Encyclopedia of Philosophy (bl-Ingliż).
  2. ^ Sellars, John (2006). Stoicism (bl-Ingliż). Acumen Publishing. p. 32. ISBN 978-1-84465-053-8.
  3. ^ a b Agathias (1975). The Histories (bl-Ingliż). 2. Tradott minn Frendo, Joseph D. C. De Gruyter. doi:10.1515/9783110826944. ISBN 9783110033571.
  4. ^ Epictetus (1995). Gill, Christopher (ed.). The Discourses of Epictetus: The Handbook, Fragments (bl-Ingliż). Tradott minn Hard, Robin. Everyman. 1.15.2. ISBN 978-0460873123.
  5. ^ a b Russell, Bertrand (1967). A History of Western Philosophy (bl-Ingliż). Simon & Schuster. p. 254. ISBN 978-0671201586.
  6. ^ a b Russell, Bertrand (1967). A History of Western Philosophy (bl-Ingliż). Simon & Schuster. p. 264. ISBN 978-0671201586.
  7. ^ Russell, Bertrand (1967). A History of Western Philosophy (bl-Ingliż). Simon & Schuster. p. 253. ISBN 978-0671201586.
  8. ^ Lang, A. G. P.; Amos, H. D. (1982). These Were the Greeks (bl-Ingliż). Chester Springs: Dufour Editions. ISBN 9780802312754. OCLC 9048254.
  9. ^ Murray, Gilbert (1915). The Stoic Philosophy (bl-Ingliż). George Allen & Unwin. p. 25. ASIN B0006DBE9C.
  10. ^ Becker, Lawrence C.; Becker, Charlotte B., ed. (2003). A History of Western Ethics (bl-Ingliż). New York: Routledge. p. 27. ISBN 9780415968256.
  11. ^ Long, A. A. Hellenistic Philosophy (bl-Ingliż) (2ni ed.). University of California Press. p. 115. ISBN 978-0520058088.
  12. ^ a b Bobzien, Susanne (2020). "Ancient Logic". F' Zalta, Edward N. (ed.). Stanford Encyclopedia of Philosophy (bl-Ingliż).
  13. ^ Diogenes Laërtius (2000). Lives of eminent philosophers (bl-Ingliż). 2. Tradott minn Hicks, Robert Drew. Cambridge, Massachusetts: Harvard University Press. p. 49. ISBN 9780674992047.
  14. ^ Seneca. Moral Epistles. lxv. 2.
  15. ^ Marcus Aurelius. Meditations. iv. 21.
  16. ^ Graver, Margaret (2009). Stoicism and Emotion (bl-Ingliż). Chicago: University of Chicago Press. ISBN 9780226305585. OCLC 430497127.
  17. ^ "passion". Merriam-Webster (bl-Ingliż). Miġbur 2011-01-29.
  18. ^ Seddon, Keith (2005). Epictetus' Handbook and the Tablet of Cebes (bl-Ingliż). New York: Routledge. p. 217. ISBN 9780415324519. OCLC 469313282.
  19. ^ a b Marietta, Don E. (1998). Introduction to Ancient Philosophy (bl-Ingliż). Routledge. pp. 153–154. ISBN 978-0765602169.
  20. ^ Zadorojnyi, Alexei V. (2007-05-15). "Cato's suicide in Plutarch". The Classical Quarterly (bl-Ingliż). 57 (1): 216–230. doi:10.1017/S0009838807000195.
  21. ^ Irvine, William Braxton (2009). 'A Guide to the Good Life: The Ancient Art of Stoic Joy (bl-Ingliż). Oxford University Press. p. 200. ISBN 978-0195374612.
  22. ^ Hadot, Pierre (1995). Davidson, Arnold I. (ed.). Philosphy as a Way of Life (bl-Ingliż). Tradott minn Chase, Michael. Wiley-Blackwells. pp. 9–10. ISBN 978-0631180333.
  23. ^ Hadot, Pierre (1992). La Citadelle intérieure: Introduction aux Pensées de Marc Aurèle (bil-Franċiż). Paris: Fayard. pp. 106–115. ISBN 978-2213029849.
  24. ^ Hadot, Pierre (1987). Exercices spirituels et philosophie antique (bil-Franċiż) (2ni ed.). Pariġi: Etudes augustiniennes. p. 135. ISBN 978-2851210791.
  25. ^ Mac Suibhne, Seamus (2009). "'Wrestle to be the man philosophy wished to make you': Marcus Aurelius, reflective practitioner". Reflective Practice (bl-Ingliż). 10 (4): 429–436. doi:10.1080/14623940903138266.
  26. ^ Robertson, Donald (2010). The Philosophy of Cognitive-Behavioural Therapy: Stoicism as Rational and Cognitive Psychotherapy (bl-Ingliż). London: Karnac. ISBN 978-1855757561.
  27. ^ Epictetus. Discourses. ii. 5. 26.
  28. ^ Epictetus. Discourses. i. 9. 1.
  29. ^ Seneca. Moral Epistles. xlvii. 10.
  30. ^ a b ċ Ferguson, Everett (2003). Backgrounds of Early Christianity (bl-Ingliż) (3et ed.). Eerdmans. p. 368. ISBN 978-0802822215.
  31. ^ "stoic (n.)". Online Etymology Dictionary (bl-Ingliż). Miġbur 2006-09-02.


Sorsi primarji

[immodifika | immodifika s-sors]
  • von Arnim, Hans, ed. (1905). Zeno et Zenonis discipuli. Stoïcorum Veterum Fragmenta (bil-Latin). 1. Leipzig.
  • von Arnim, Hans, ed. (1903). Chrysippi fragmenta logica et physica. Stoïcorum Veterum Fragmenta (bil-Latin). 2. Leipzig.
  • von Arnim, Hans, ed. (1904). Chrysippi fragmenta moralia. Fragmenta succesorum Chrysippi. Stoïcorum Veterum Fragmenta (bil-Latin). 3. Leipzig.
  • von Arnim, Hans; Adler, Maximilian, ed. (1924). Indices. Stoïcorum Veterum Fragmenta (bil-Latin). 4. Leipzig.
  • Friggeri, Joe (2000). In-Nisġa tal-Ħsieb (bil-Malti). 1. Malta Media Centre. pp. 115–123. ISBN 99909-2-042-7.
  • Hülser, Karlheinz (1987). Die Fragmente zur Dialektik der Stoiker (bil-Ġermaniż). Stuttgart-Bad Cannstatt: Frommann-Holzboog. ISBN 978-3-7728-1034-3.
  • Long, A. A.; Sedley, D. N. (1987). The Hellenistic Philosophers (bl-Ingliż). Cambridge: Cambridge University Press. doi:10.1017/CBO9781139165907. ISBN 9781139165907.
  • The Stoics Reader: Selected Writings and Testimonia (bl-Ingliż). Tradott minn Inwood, Brad; Gerson, Lloyd P. Indianapolis: Hackett. 2008. ISBN 978-0-87220-952-7.
  • Epictetus (1955). Baird, Robert M.; Rosenbaum, Stuart E. (ed.). Enchiridion (bl-Ingliż). Tradott minn Long, George. Prometheus. ISBN 978-0879757038.
  • Epictetus (1995). Gill, Christopher (ed.). The Discourses of Epictetus: The Handbook, Fragments (bl-Ingliż). Tradott minn Hard, Robin. Everyman. ISBN 978-0460873123.
  • Hadas, Moses, ed. (1961). Essential Works of Stoicism (bl-Ingliż). Bantam. ASIN B000GU4ELU.
  • Epictetus (1925). Epictetus Discourses Books 1-2 (bl-Ingliż). Tradott minn Oldfather, W. A. Harvard University Press. ISBN 978-0674991453.
  • Epictetus (1928). Epictetus Discourses Books 3-4 (bl-Ingliż). Tradott minn Oldfather, W. A. Harvard University Press. ISBN 978-0674992405.
  • Epictetus (2017). Discourses of Epictetus (bl-Ingliż). Tradott minn Long, George. Engage Classics. ISBN 978-1549717093.
  • Seneca (2004). Letters from a Stoic: Epistulae Morales Ad Lucilium (bl-Ingliż). Tradott minn Campbell, Robin. Penguin Classics. ISBN 978-0-14-044210-6.
  • Marcus Aurelius (1985). Meditations (bl-Ingliż). Tradott minn Staniforth, Maxwell. Penguin Classics. ISBN 978-0-14-044140-6.
  • Marcus Aurelius (2002). Meditations (bl-Ingliż). Tradott minn Hays, Gregory. Random House Group. ISBN 978-0-679-64260-2.
  • Oates, Whitney Jennings (1940). The Stoic and Epicurean Philosophers, The Complete Extant Writings of Epicurus, Epictetus, Lucretius and Marcus Aurelius (bl-Ingliż). Random House. ISBN 978-0394607450.
  • Bakalis, Nikolaos (2005). Handbook of Greek Philosophy: From Thales to the Stoics: Analysis and Fragments (bl-Ingliż). Trafford Publishing. ISBN 978-1412048439.
  • Becker, Lawrence C. (1998). A New Stoicism (bl-Ingliż). Princeton University Press. ISBN 0-691-01660-7.
  • Brennan, Tad (2007). The Stoic Life: Emotions, Duties, and Fate (bl-Ingliż). Clarendon Press. ISBN 978-0199217052.
  • Hadot, Pierre (1995). Davidson, Arnold (ed.). Philosophy as a Way of Life: Spiritual Exercises from Socrates to Foucault (bl-Ingliż). Blackwell. ISBN 978-0-631-18033-3.
  • Inwood, Brad, ed. (2003). The Cambridge Companion to The Stoics (bl-Ingliż). Cambridge University Press. doi:10.1017/CCOL052177005X. ISBN 978-0521779852.
  • Irvine, William B. (2008). A Guide to the Good Life: The Ancient Art of Stoic Joy (bl-Ingliż). Oxford University Press. ISBN 978-0-19-537461-2.
  • Long, A. A. (2001). Stoic Studies (bl-Ingliż). University of California Press. ISBN 978-0-520-22974-7.
  • Robertson, Donald (2010). The Philosophy of Cognitive-Behavioural Therapy: Stoicism as Rational and Cognitive Psychotherapy (bl-Ingliż). Routledge. ISBN 978-1-85575-756-1.
  • Sellars, John (2006). Stoicism (bl-Ingliż). Acumen Publishing. ISBN 978-1-84465-053-8.
  • Stephens, William O. (2007). Stoic Ethics: Epictetus and Happiness as Freedom (bl-Ingliż). Continuum. ISBN 978-0-8264-9608-9.
  • Strange, Steven K.; Zupko, Jack, ed. (2004). Stoicism: Traditions and Transformations (bl-Ingliż). Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-18164-8.
  • Zeller, Eduard (1892). The Stoics, Epicureans and Sceptics (bl-Ingliż). Tradott minn Reichel, Oswald J. Longmans, Green, and Co.
{{bottomLinkPreText}} {{bottomLinkText}}
Stojċiżmu
Listen to this article

This browser is not supported by Wikiwand :(
Wikiwand requires a browser with modern capabilities in order to provide you with the best reading experience.
Please download and use one of the following browsers:

This article was just edited, click to reload
This article has been deleted on Wikipedia (Why?)

Back to homepage

Please click Add in the dialog above
Please click Allow in the top-left corner,
then click Install Now in the dialog
Please click Open in the download dialog,
then click Install
Please click the "Downloads" icon in the Safari toolbar, open the first download in the list,
then click Install
{{::$root.activation.text}}

Install Wikiwand

Install on Chrome Install on Firefox
Don't forget to rate us

Tell your friends about Wikiwand!

Gmail Facebook Twitter Link

Enjoying Wikiwand?

Tell your friends and spread the love:
Share on Gmail Share on Facebook Share on Twitter Share on Buffer

Our magic isn't perfect

You can help our automatic cover photo selection by reporting an unsuitable photo.

This photo is visually disturbing This photo is not a good choice

Thank you for helping!


Your input will affect cover photo selection, along with input from other users.

X

Get ready for Wikiwand 2.0 🎉! the new version arrives on September 1st! Don't want to wait?