For faster navigation, this Iframe is preloading the Wikiwand page for Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj.

Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj

Ix-xaqlibiet bid-dwieli tar-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj.

Ir-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj (bl-Ungeriż: Tokaji borvidék;[1] bis-Slovakk: Vinohradnícka oblasť Tokaj)[2] jew ir-reġjun tal-inbid ta' Tokaj-Hegyalja (fil-qosor Tokaj-Hegyalja jew Hegyalja) huwa reġjun tal-inbid storiku li jinsab fil-Grigal tal-Ungerija u fix-Xlokk tas-Slovakkja. Huwa wkoll wieħed mis-seba' reġjuni akbar tal-inbid tal-Ungerija (bl-Ungeriż: Tokaji borrégió). Hegyalja bl-Ungeriż tfisser "l-għoljiet ta' qabel il-muntanji", u dan huwa l-isem oriġinali tar-reġjun.

Ir-reġjun jikkonsisti minn 28 villaġġ u 11,149 ettaru ta' għelieqi kklassifikati bid-dwieli, li minnhom huwa stmat li 5,500 ettaru attwalment huma mħawla. Ir-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2002 bl-isem sħiħ ta' Pajsaġġ Kulturali Storiku tar-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj.[3] Madankollu, il-fama tar-reġjun ilha minn ferm qabel din id-deżinjazzjoni peress li huwa l-post fejn oriġina l-inbid Tokaji aszú, l-eqdem inbid iffermentat fid-dinja.

Minħabba t-Trattat ta' Trianon, parti iżgħar tar-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj issa tagħmel parti mis-Slovakkja.

Karatteristiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Uħud mill-karatteristiċi li jwasslu biex ir-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj ikun uniku huma:

  • il-ħamrija u l-mikroklima: it-territorju ta' Tokaj jikkonsisti minn ħamrija taflija jew loess fuq sottoswol vulkaniku. Il-mikroklima hija ddeterminata mix-xaqlibiet orjentati lejn in-Nofsinhar li jirċievu ammont sostanzjali ta' xemx u l-prossimità tax-xmajjar Tisza u Bodrog, u twassal għall-proliferazzjoni tal-Botrytis (taħsir nobbli) u t-tnixxif sussegwenti tal-għeneb.
  • il-varjetajiet ta' għeneb indiġeni: l-għeneb Furmint u Hárslevelű ilhom jitkabbru fir-reġjun għal sekli sħaħ, u flimkien mal-għeneb Muscat Isfar (bl-Ungeriż: Sárgamuskotály), Kabar, Kövérszőlő u Zéta, huma l-uniċi varjetajiet ta' għeneb li uffiċjalment jitħallew jintużaw fir-reġjun.
  • il-kantini: sistema vasta ta' kantini tħaffret fil-blat bejn l-1400 u l-1600 W.K. Il-kantini jipprovdu temperatura kostanti ta' madwar 10-12 °C. Il-kantini huma miksija b'moffa karatteristika, li titkattar permezz tal-alkoħol li jiżvinta matul it-tqaddim tal-inbejjed u żżomm l-umdità stabbli bejn 85 % u 90 %, li hija ideali għat-tqaddim tal-inbejjed Tokaji.
  • is-sistema tad-denominazzjoni: Digriet irjali li nħareġ fl-1737[4] jew fl-1757[5] stabbilixxa distrett magħluq tal-produzzjoni f'Tokaj, x'aktarx l-iżjed sistema bikrija tal-għoti tad-denominazzjonijiet lill-inbejjed (għalkemm dan huwa rrifjutat mir-reġjun tal-inbid ta' Chianti, li huwa maħsub li t-territorju tiegħu ġie definit fl-1716).[6] Il-klassifikazzjoni tal-vinji bdiet fl-1730 u tlestiet miċ-ċensimenti nazzjonali tal-1765 u tal-1772.
L-għelieqi bid-dwieli ta' Tokaj.

Mid-dokumenti storiċi joħroġ fid-dieher li l-vinji kienu ġew stabbiliti f'Tokaj saħansitra fis-seklu 12, iżda hemm evidenza li l-produzzjoni tal-inbid iddaħħlet qabel fir-reġjun.

Għadd ta' esperti jsostnu li l-vitikultura jaf bdiet fir-reġjun ta' Tokaj saħansitra minn żmien iċ-Ċeltiċi, jiġifieri Q.K. Werqa ppetrifikata tad-dwieli li nstabet f'Erdőbénye u li tmur lura għall-aħħar tas-seklu 3 W.K., tindika l-eżistenza tal-vitikultura fi żmien ir-Rumani. L-Islavi waslu fir-reġjun lejn l-aħħar tas-seklu 5 u l-bidu tas-seklu 6. Oriġini possibbli tal-isem "Tokaj" hi li ġej mill-kelma Slava "Stokaj", li tfisser bejn wieħed u ieħor konfluwenza (jiġifieri l-konfluwenza tax-xmajjar Bodrog u Tisza). L-Islovakki jsostnu li l-Islavi komplew il-vitikultura li kienet ġiet stabbilita qabel fir-reġjun. L-insedjaturi Ungeriżi waslu f'Tokaj mill-aħħar tas-seklu 9 u hemm teorija alternattiva li l-vitikultura ddaħħlet fir-reġjun mil-Lvant, x'aktarx mit-tribù Kabar. L-Ungeriżi milli jidher kellhom tradizzjoni antika tal-produzzjoni tal-inbid. Oriġini possibbli oħra tal-isem "Tokaj" hi li ġejja mill-kelma Armena li tfisser "għenba".

Il-popli Latini ġew mistiedna jinsedjaw Tokaj għall-ewwel darba mir-Re Ungeriż Béla III (1172-1196) u mbagħad minn Béla IV (1235-1270). Dawn l-immigranti x'aktarx li kienu nies mill-Wallonja fit-Tramuntana ta' Franza, għalkemm xi riċerkaturi jsostnu li kienu Taljani. Xi nies Slavi (Slovakki u Russi) ġew dokumentati wkoll li kienu involuti fil-vitikultura ta' Tokaj sas-seklu 12. Madankollu, it-tkabbir ta' Tokaj bħala reġjun ewlieni tal-inbid seħħ fil-bidu tas-seklu 16.

Għall-ħabta tal-1620, l-Imperatur importa lil Duvont, bidwi-produttur tal-inbid Franċiż mill-Wallonja, li iktar 'il quddiem ivvinta l-metodu li mbagħad sar magħruf bħala l-metodu tar-"re tal-inbejjed" fid-distrett ta' Tokaj.

Sabiex jagħti ġieħ lill-ħiliet eċċezzjonali ta' Duvont, l-imperatur ta n-nobbiltà lil dan il-bidwi, u tah wieħed mill-bosta villaġġi tiegħu (Kiralyfalva), li llum il-ġurnata huwa Königsdorf fl-Awstrija. L-imperatur imbagħad ta l-kunjom ta' Királyfalvy lill-familja ta' Duvont.

L-inbid ta' Tokaj kulma jmur sar materja prima importanti għar-reġjun mis-seklu 17, u l-esportazzjoni tiegħu sar sors kbir ta' introjtu għall-prinċpijiet mexxejja tat-Transilvanja, li kien jagħmel parti minnu r-reġjun ta' Tokaj dak iż-żmien. Tabilħaqq, id-dħul mill-inbid Tokaji Aszú li kulma jmur sar iktar rinomat għen biex jiffinanzja l-gwerer tal-indipendenza li ġew miġġielda kontra t-tmexxija Awstrijaka tal-Asburgi. L-inbid ta' Tokaj sar iktar rinomat meta fl-1703, Francis II Rákóczi, il-Prinċep tat-Transilvanja, ta bosta fliexken tal-inbid ta' Tokaj bħala rigal lir-Re Lwiġi XIV ta' Franza. L-inbid ta' Tokaj imbagħad ġie servut fil-qorti ta' Versailles, fejn sar magħruf bl-isem ta' Tokay. Lwiġi XIV tassew ħa pjaċir b'dan ix-xorb prezzjuż u ddikjarah bħala "Vinum Regum, Rex Vinorum" ("Inbid tar-Rejiet, Re tal-Inbejjed").

Fis-seklu 18, ir-reġjun ta' Tokaj laħaq il-qofol tal-prosperità tiegħu. Kemm il-Polonja kif ukoll ir-Russja kienu saru swieq kbar tal-esportazzjoni tal-inbid. Fir-Russja, l-inbid ta' Tokaj tant kellu importanza li l-imperaturi Russi żammew kolonja de facto f'Tokaj sabiex tiġi ggarantita l-provvista tal-inbid lill-Qorti Imperjali.

Id-diviżjoni tal-Polonja fl-1795 u l-impożizzjoni sussegwenti tad-dazji doganali kienu daqqa ta' ħarta kbira għall-esportazzjonijiet tal-inbid ta' Tokaj u wasslu għad-deklin ekonomiku tar-reġjun. Madankollu, din kienet biss l-ewwel kriżi minn tliet kriżijiet kbar għal Tokaj. It-tieni kriżi seħħet meta l-epidemija tal-phylloxera waslet f'Tokaj fl-1885 u qerdet il-maġġoranza l-kbira tal-vinji fi ftit snin. It-tielet kriżi seħħet meta l-Ungerija tilfet żewġ terzi mit-territorju tagħha taħt it-Trattat ta' Paċi ta' Trianon li ġie ffirmat f'Ġunju 1920, u b'hekk l-inbid ta' Tokaj tilef l-aċċess għall-maġġoranza tas-suq domestiku tiegħu. Ir-reġjun ġie diviż ukoll bejn l-Ungerija u ċ-Ċekoslovakkja li kienet għadha kemm inħolqot, li kisbet territorju ta' 120 ettaru (bl-eċċezzjoni tal-1938-1944, meta l-Ungerija ħadet il-kontroll tat-territorju). Dan tal-aħħar issa jifforma parti minn reġjun tal-inbid fis-Slovakkja li jmiss ma' dak tal-Ungerija, b'bejn wieħed u ieħor 908 ettari ta' vinji kklassifikati ta' Tokaj.[7]

L-era tat-tmexxija Komunista fl-Ungerija wasslet għat-tnawwir tal-kwalità u tar-reputazzjoni tal-inbejjed ta' Tokaj. Madankollu, mill-1990 sar ammont konsiderevoli ta' investiment fir-reġjun ta' Tokaj, u b'hekk twittiet it-triq għal dak li ġie mlaqqam bħala r-"Rinaxximent ta' Tokaj". Illum il-ġurnata hemm kważi 600 produttur tal-inbid fir-reġjun, li minnhom madwar 50 produttur jipproduċu l-firxa sħiħa ta' inbejjed ta' Tokaj.

Diżgwid dwar id-"Denominazzjoni tal-oriġini"

[immodifika | immodifika s-sors]
Ix-xmajjar Tisza u Bodrog mill-għoli.

L-inbid ta' Tokaj, min-natura unika tiegħu, huwa materja prima lussuża li tattira ferm lis-suq internazzjonali.

Fl-1964 inbeda diżgwid meta għall-ewwel darba, dak iż-żmien iċ-Ċekoslovakkja esportat il-produzzjoni eċċessiva tagħha tal-inbid ta' Tokaj lill-Awstrija, suq li normalment kien jiġi fornut din il-materja prima mill-Ungerija biss. Il-kunflitt ta' interessi ġie solvut fi ftehim bilaterali li skontu s-Slovakkja, a skapitu tal-konċessjoni marbuta mal-birra Ċeka min-naħa tal-Ungerija, setgħet tesporta l-produzzjoni eċċessiva tagħha tal-inbid ta' Tokaj lill-Ungerija (li konsegwentement kienet tbigħu taħt tikketta Ungeriża u terġa' tesportah). Dan il-ftehim skada fl-1990 u mill-ewwel reġa' nqala' d-diżgwid.[8] F'Ġunju 2004 intlaħaq qbil bejn il-gvernijiet tal-Ungerija u tas-Slovakkja fir-rigward tal-użu tad-denominazzjoni tal-inbid ta' Tokaj fis-Slovakkja. Fil-qafas ta' dan il-qbil, l-inbid prodott fil-5.65 km² ta' art fis-Slovakkja jista' juża d-denominazzjoni tal-inbid ta' Tokaj. Madankollu, is-Slovakkja ma osservatx dan il-qbil vinkolanti legalment, li kellu jintroduċi l-istess standards stabbiliti fil-liġijiet Ungeriżi dwar l-inbid mill-1990. Għadu ma ġiex deċiż min se jissorvelja jew jinforza dawk il-liġijiet. Id-diżgwid wassal biex is-Slovakkja titressaq quddiem qorti internazzjonali mill-Ungerija u ħames pajjiżi oħra (l-Italja, Franza, l-Awstralja, is-Serbja u s-Slovenja), minħabba d-denominazzjoni tal-inbid ta' Tokaj.

F'Novembru 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet kontra t-talba tal-Ungerija li titħassar id-denominazzjoni Slovakka "Vinohradnícka oblasť Tokaj" mill-E-Bacchus, bażi tad-data elettronika li fiha reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti mill-Unjoni Ewropea. L-Ungerija ressqet appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fi Frar 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet kontra l-appell Ungeriż fir-rigward ta' deċiżjoni preċedenti dwar id-denominazzjoni tal-"Vinohradnícka oblasť Tokaj" (Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj) fis-Slovakkja, li fiha isem ir-reġjun tal-inbid ta' Tokaj fl-Ungerija. Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti ddikjarat li r-reġistrazzjoni mis-Slovakkja tal-"Vinohradnícka oblasť Tokaj" fil-bażi tad-data Ewropea E-Bacchus ma kinitx tikkostitwixxi miżura punibbli.[9] B'hekk, taħt il-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni Ewropea, ir-reġjun tal-produzzjoni tal-inbid ta' Tokaj jinsab kemm fl-Ungerija kif ukoll fis-Slovakkja. Għaldaqstant, il-produtturi tal-inbid mir-reġjun tal-inbid ta' Tokaj fl-Ungerija u fis-Slovakkja jistgħu jużaw id-denominazzjoni tal-inbid ta' Tokaj.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Iċ-ċentru ta' Tokaj.

Il-Pajsaġġ Kulturali Storiku tar-Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj fl-Ungerija ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2002.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]

  1. ^ "127/2009. (IX. 29.) FVM rendelet - Nemzeti Jogszabálytár". njt.hu. Miġbur 2023-03-22.
  2. ^ "e-Bacchus Database". Your Gate to Europe (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Tokaj Wine Region Historic Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.
  4. ^ "The history of the first demarkated wine region of the world – the Tokaj wine region | IVES" (bl-Ingliż). 2020-07-28. Miġbur 2023-03-22.
  5. ^ "Sweet and Sophisticated: The Story of Tokaji Wine". Wine Folly (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.
  6. ^ Hungary, Daily News (2022-09-14). "Hungary's Tokaj: the first official wine region in Europe". Daily News Hungary (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.
  7. ^ ""Slovakia, a Land of Wine". Slovak Union of Grape and Wine Producers. pp. 21-23" (PDF).
  8. ^ "Bitka o víno kráľov, kráľa vín. Slovensko-maďarské spory o značku Tokaj sa ťahajú už 34 rokov". web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-08. Miġbur 2023-03-22.
  9. ^ "Press corner". European Commission - European Commission (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.
{{bottomLinkPreText}} {{bottomLinkText}}
Reġjun tal-Inbid ta' Tokaj
Listen to this article

This browser is not supported by Wikiwand :(
Wikiwand requires a browser with modern capabilities in order to provide you with the best reading experience.
Please download and use one of the following browsers:

This article was just edited, click to reload
This article has been deleted on Wikipedia (Why?)

Back to homepage

Please click Add in the dialog above
Please click Allow in the top-left corner,
then click Install Now in the dialog
Please click Open in the download dialog,
then click Install
Please click the "Downloads" icon in the Safari toolbar, open the first download in the list,
then click Install
{{::$root.activation.text}}

Install Wikiwand

Install on Chrome Install on Firefox
Don't forget to rate us

Tell your friends about Wikiwand!

Gmail Facebook Twitter Link

Enjoying Wikiwand?

Tell your friends and spread the love:
Share on Gmail Share on Facebook Share on Twitter Share on Buffer

Our magic isn't perfect

You can help our automatic cover photo selection by reporting an unsuitable photo.

This photo is visually disturbing This photo is not a good choice

Thank you for helping!


Your input will affect cover photo selection, along with input from other users.

X

Get ready for Wikiwand 2.0 🎉! the new version arrives on September 1st! Don't want to wait?