For faster navigation, this Iframe is preloading the Wikiwand page for Byblos.

Byblos

Byblos
 Libanu
Amministrazzjoni
Stat sovranLibanu
Governorate of LebanonKeserwan-Jbeil
District of LebanonDistrett ta' Jbeil
Isem uffiċjali جبيل
Ismijiet oriġinali جبيل
Ġeografija
Koordinati 34°07′00″N 35°39′00″E / 34.1167°N 35.65°E / 34.1167; 35.65Koordinati: 34°07′00″N 35°39′00″E / 34.1167°N 35.65°E / 34.1167; 35.65
Byblos is located in Lebanon
Byblos
Byblos
Byblos (Lebanon)
Superfiċjenti 5 kilometru kwadru
Għoli 10 m
Demografija
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 100,000 years BCE
Żona tal-Ħin UTC+2u UTC+3
bliet ġemellati Patrasu Cádiz
jbail-byblos.gov.lb

Byblos (/ˈbɪblɒs/ BIB-loss; bil-Grieg: Βύβλος), magħrufa wkoll bħala Jebeil, Jbeil jew Jubayl (bl-Għarbi: جُبَيْل, b'ittri Rumani: Jubayl, lokalment Jbeil [ʒbeːl]; bil-Feniċju: 𐤂𐤁𐤋, gbl, x'aktarx Gebal), hija belt fil-Governorat ta' Keserwan-Jbeil tal-Libanu. Huwa maħsub li ġiet okkupata għall-ewwel darba bejn t-8800 u s-7000 Q.K.[1] u ilha okkupata b'mod kontinwu mill-5000 Q.K.;[2] b'hekk hija waħda mill-eqdem bliet kontinwament abitati fid-dinja.[3][4] Matul l-istorja tagħha, Byblos kienet parti minn bosta ċivilizzazzjonijiet, fosthom l-Eġizzjani, il-Feniċi, l-Assirjani, il-Persjani, il-Griegi, ir-Rumani, il-Fatimidi, il-Ġenoviżi, il-Mamluk u l-Ottomani.[5][6] Il-belt tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[7]

F'Byblos tal-qedem ġie żviluppat l-alfabett Feniċju, li x'aktarx kien il-predeċessur tal-alfabetti Griegi, Latini u tal-Punent l-oħra kollha.[8]

L-Onomasticon ta' Ewsebju ddikjara li Byblos kienet magħrufa bl-Ebrajk bħala Gabel / Gobel. L-isem jidher bħala Kebny fir-rekords bil-ġeroglifiċi Eġizzjani li jmorru lura għall-faragħun tar-raba' dinastija Sneferu (2600 Q.K.) u bħala Gubla (𒁺𒆷) fl-ittri Amarna kunejformi tal-Akkadjani lill-faragħuni tat-18-il dinastija Amenhotep III u Amenhotep IV. Fl-ewwel millenju Q.K., l-isem tfaċċa fil-kitbiet imnaqqxa Feniċi u Puniċi bħala Gebal (𐤂𐤁𐤋, gbl); fil-Bibbja bl-Ebrajk bħala Geval (גבל); u bis-Sirjan bħala gbl (ܓܒܠ). Milli jidher l-isem oriġina minn gb (𐤂𐤁, "bir") u ʾl (𐤀𐤋, "alla"); l-aħħar kelma tista' tirreferi għal kwalunkwe wieħed mill-allat Kananiti jew b'mod partikolari għall-mexxej tagħhom. B'hekk l-isem milli jidher kien ifisser il-"Bir ta' Alla" jew l-"Għajn ta' Alla".

L-isem attwali tal-belt bl-Għarbi Jubayl (جبيل) jew J(e)beil huwa dixxendent dirett ta' dawn l-ismijiet bikrin, għalkemm milli jidher ġie mmodifikat minn fehim ħażin tal-isem bl-għerq trilitteru gbl jew jbl, jiġifieri "muntanja". Meta tintuża l-forma Għarbija tal-isem, tipikament tiġi trażlitterata bħala Jbeil, Jbail, jew Jbayl b'ittri Rumani. Dawn l-ismijiet kollha, flimkien ma' Byblos, huma relatati etimoloġikament. Matul il-Kruċjati, dan l-isem deher fir-rekords Ewropej bħala Gibelet jew Giblet. Dan l-isem intuża għall-Kastell ta' Byblos u t-tmexxija assoċjata miegħu.

Il-belt Feniċja, magħrufa mal-Griegi bħala Býblos (Βύβλος) u mar-Rumani bħala Byblus, kienet importanti għall-importazzjoni tal-papiru mill-Eġittu – tant li "byblos" saret tfisser "papiru" bil-Grieg. Għaldaqstant, it-terminu "Bibbja", fl-aħħar mill-aħħar oriġina mill-isem Grieg tal-belt.

Byblos tinsab madwar 42 kilometru (26 mil) fit-Tramuntana ta' Bejrut u tattira ferm lill-arkeologi minħabba l-akkumulu li għandha ta' diversi strati li rriżulaw minn bosta sekli ta' abitazzjoni umana. L-iskavi inizjali twettqu minn Ernest Renan fl-1860, iddokumentati fix-xogħol tiegħu "Mission de Phénicie" (1865-1874). Wara komplew l-isforzi ta' Pierre Montet mill-1921 sal-1924, u iktar 'il quddiem ta' Maurice Dunand, li kompla bl-iskavi mill-1925 għal erbgħin sena. L-ispedizzjoni ta' Renan kellha "tipprovdi l-evidenza li l-belt ma ċċaqalqitx u li Gebeil hija Byblos".

L-ewwel insedjament seħħ matul il-perjodu Neolitiku B ta' Qabel il-Fuħħar, għall-ħabta tat-8800 sas-7000 Q.K. Il-fdalijiet Neolitiċi ta' xi binjiet jistgħu jiġu osservati fis-sit. Skont il-kittieb Filo ta' Byblos (li kkwota lil Sanchuniathon, u kkwotat minn Ewsebju), Byblos ġiet stabbilita mid-divinità Feniċja El (li l-Griegi identifikaw mal-alla tagħhom Cronus). Mit-tielet millenju Q.K. jistgħu jiġu osservati l-ewwel sinjali ta' raħal, bil-fdalijiet ta' djar ta' daqs uniformi. Dan kien il-perjodu meta bdiet tiżviluppa ċ-ċivilizzazzjoni Kananita.

Saffi Neolitiċi u Kalkolitiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Jacques Cauvin ippubblika l-istudji dwar l-għodod biż-żnied mis-siti stratifikati Neolitiċi u Kalkolitiċi fl-1962. Il-fdalijiet tal-bnedmin li nstabu fl-oqbra Kalkolitiċi ġew ippubblikati minn Henri Victor Vallois fl-1937. L-oqbra minn din l-era ġew diskussi mill-Emir Maurice Chehab fl-1950. Il-bċejjeċ bikrin tal-fuħħar li nstabu ġew ippubblikati minn E.S. Boynton fl-1960 u saru studji ulterjuri minn R. Erich fl-1954 u minn Van Liere u Henri de Contenson fl-1964.

Stratigrafija ta' ħames saffi

[immodifika | immodifika s-sors]

L-insedjamenti preistoriċi f'Byblos kienu maqsuma minn Dunand f'ħames perjodi differenti, li reċentement tkabbru u ġew ikkalibrati mill-ġdid minn Yosef Garfinkel biex jiġu korelatati ma' Tell es-Sultan (Ġeriko):

  • in-Neolitiku Bikri (il-fażi bikrija) li jikkorrispondi man-Neolitiku B ta' Qabel il-Fuħħar (PPNB) ta' Ġeriko, irrappreżentat minn artijiet tal-ġibs u teknoloġija naviformi, bejn it-8800 u s-7000 Q.K.;
  • in-Neolitiku Bikri (il-fażi aħħarija) li jikkorrispondi mal-PNA ta' Tell es-Sultan (Ġeriko) IX (u Yarmukian), irrappreżentat mill-bċejjeċ tal-fuħħar, xfafar tal-minġell, figurini u ponot żgħar, bejn is-6400 u l-5800 Q.K.;
  • in-Neolitiku Medju li jikkorrispondi mal-PNB ta' Tell es-Sultan (Ġeriko) VIII, irrappreżentat mill-bċejjeċ tal-fuħħar, bejn il-5800 u l-5300 Q.K.;
  • in-Neolitiku Aħħari li jikkorrispondi mal-Kalkolitiku Medju ta' Beth Shean, irrappreżentat mill-bċejjeċ tal-fuħħar, reċipjenti tal-ġebel, sajlos, oqbra u siġilli, bejn il-5300 u l-4500 Q.K.;
  • il-Kalkolitiku Bikri li jikkorrispondi mal-Kalkolitiku Aħħari ta' Ghassulian, irrappreżentat minn oqbra-ġarer, żnied imnaqqax, mastelli u figurina ta' vjolin, bejn l-4500 u t-3600 Q.K.; u
  • l-Kalkolitiku Aħħari li jikkorrispondi minn Żmien il-Bronż Bikri, irrappreżentat mill-arkitettura u mis-siġilli ċilindriċi, bejn it-3600 u t-3100 Q.K.

In-Neolitiku Bikri ħareġ fid-dieher f'insedjament li ġie wara oħrajn fil-Wied ta' Beqaa, bħal Labweh u Ard Tlaili. Kien jinsab fix-xaqliba lejn in-naħa tal-baħar tal-ikbar waħda miż-żewġ għoljiet li kienu jiffurmaw Byblos tal-qedem, b'wied bl-ilma bejniethom.

Is-sit oriġinali kien mifrux fil-wied u kien ikopri erja ta' 1.2 ettaru (3.0 akri) b'raba' għammiel u post protett għall-iżbark tad-dgħajjes. Dunand skopra madwar 20 dar għalkemm ġie ssuġġerit li ftit mill-insedjament kien inqered mill-baħar, ġie misruq jew inqered mill-bniedem. L-abitazzjonijiet kienu rettangolari b'artijiet tal-ġibs, u l-bċejjeċ tal-fuħħar normalment kienu bċejjeċ skuri b'xi impressjonijiet ta' qxur tal-baħar.

In-Neolitiku Medju ħareġ fid-dieher permezz ta' insedjament iżgħar ta' mhux iktar minn 0.15 ettari (0.37 akri) biswit is-sit iktar antik. Il-bċejjeċ tal-fuħħar kienu iktar żviluppati b'passati ħomor u b'iktar għamliet varjati u tiżjin elaborat, il-binjiet kienu ifqar b'artijiet mhux tal-ġibs.

Il-perjodu tan-Neolitiku Aħħari wera żvilupp fid-disinn tal-binjiet, firxa usa' ta' għodod taż-żnied iktar żviluppati u varjetà ferm ikbar ta' bċejjeċ tal-fuħħar b'materjali bħas-silika. Il-Kalkolitiku Aħħari kellu żviluppi ta' "xfafar Kananiti" u barraxxa. L-oqbra-ġarer għall-adulti bdew jitfaċċaw flimkien mal-metall b'għamla ta' ganċ tar-ram fil-ġarra. Xi ġarer kienu mżejna bil-ġibs abjad applikat wara l-ħami u jitħalla jibbies waħdu. Ir-ram deher iktar frekwentement fil-Kalkolitiku Aħħari flimkien mad-difniet multipli f'oqbra u mankijiet tal-ġarer b'sinjali impressi fuqhom. Il-fdalijiet ta' Żmien il-Bronż Bikri kienu kkaratterizzati mill-iżvilupp ta' oġġetti taċ-ċeramika u assemblaġġi litiċi studjati minn Jacques Cauvin.

Skont Lorenzo Nigro, Byblos minn villaġġ tas-sajjieda għall-forma urbana bikrija tagħha fil-bidu tat-tielet millenju Q.K. Frammenti attribwiti lill-patri semileġġendarju pre-Omeriku Feniċju Sanchuniathon isostnu li Byblos kienet l-ewwel belt li nbniet fil-Feniċja u ġiet stabbilita mid-divinità Cronus. Cronus kien meqjus bħala l-eqreb ekwivalenti ta' Baal tal-Kananiti jew Baal Hammon fis-sistema ta' sinkretiżmu użata mill-Griegi u mir-Rumani tal-qedem.

Perjodu tal-Eġizzjani

[immodifika | immodifika s-sors]

Watson Mills u Roger Bullard jissuġġerixxu li matul ir-Renju Antik tal-Eġittu u r-Renju Nofsani tal-Eġittu, Byblos virtwalment kienet kolonja Eġizzjana. Il-belt kibret u stagħnat, u milli jidher kienet alleat (fost "dawk fl-ilmijiet tiegħu") tal-Eġittu għal bosta sekli. L-oqbra tal-ewwel dinastija użaw l-injam minn Byblos. Waħda mill-eqdem frażijiet Eġizzjani għal dgħajsa li kienet tbaħħar fuq l-oċean kienet "il-vapur ta' Byblos". L-arkeologi rkupraw artefatti magħmulin mill-Eġizzjani, fosthom framment ta' bastiment bl-isem tal-mexxej tat-tieni dinastija Khasekhemwy, għalkemm dan "jaf faċilment wasal Byblos permezz tal-kummerċ u/jew f'perjodu iktar 'il quddiem". Instabu oġġetti f'Byblos b'isem ir-re Eġizzjan tat-13-il dinastija Neferhotep I, u l-mexxejja ta' Byblos kellhom relazzjonijiet mill-qrib mal-faragħuni tar-Renju l-Ġdid tal-Eġittu tal-Qedem.

Għall-ħabta tal-1350 Q.K., l-ittri ta' Amarna kienu jinkludu 60 ittra mingħand Rib Hadda u s-suċċessur tiegħu Ili-Rapih li kienu l-mexxejja ta' Byblos, lill-gvern Eġizzjan. Dan kien dovut l-iktar għat-talbiet kostanti ta' Rib-Hadda għall-assistenza militari mingħand Akhenaten. Jindirizzaw ukoll il-konkwista tal-bliet-stati ġirien mill-Habiru.

Milli jidher il-kuntatt Eġizzjan laħaq il-qofol tiegħu matul id-19 dinastija, u mbagħad batta matul id-dinastiji 20 u 21. Barra minn hekk, meta r-Renju l-Ġdid sfaxxa fis-seklu 11 Q.K., Byblos ma baqatx kolonja u saret l-ewwel belt tal-Feniċja. Minkejja li l-evidenza arkeoloġika jidher li tindika rewwixta għal żmien qasir matul id-dinastiji 22 u 23, huwa ċar li wara t-Tielet Perjodu Intermedju l-Eġizzjani bdew jiffavurixxu lil Tyre u lil Sidon minflok lil Byblos.

L-evidenza arkeoloġika f'Byblos, b'mod partikolari l-ħames kitbiet rjali ta' Byblos li jmorru lura għall-ħabta tal-1200-1000 Q.K., turi l-evidenza ta' alfabett Feniċju ta' 22 karattru; eżempju importanti huwa s-sarkofagu ta' Ahiram. L-użu tal-alfabett infirex fost il-merkanti Feniċi fil-kummerċ marittimu tagħhom lejn partijiet tat-Tramuntana tal-Afrika u tal-Ewropa. Wieħed mill-iżjed monumenti importanti ta' dan il-perjodu huwa t-Tempju tal-Obeliski, iddedikat lid-divinità tal-gwerra tal-Kananiti Resheph, iżda dan spiċċa fi stat ta' fdalijiet sa żmien Alessandru l-Kbir.

Storja tal-qedem

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-perjodu tal-Assirjani, Sibittibaal ta' Byblos beda jħallas miżata lil Tiglath-Pileser III fis-738 Q.K., u fis-701 Q.K., meta Sennacherib ħakem il-Feniċja kollha, ir-re ta' Byblos kien Urumilki. Byblos kienet soġġetta wkoll għar-rejiet Assirjani Esarhaddon (li rrenja fis-681-669 Q.K.) u Ashurbanipal (li rrenja fis-668-627 Q.K.), taħt ir-rejiet tagħha Milkiasaph u Yehawmelek.

Fl-Imperu Akemenid (538-332 Q.K.), Byblos kienet ir-raba' minn erba' renji vassalli Feniċi stabbiliti mill-Persjani; l-ewwel tlieta kienu Sidon, Tyre u Arwad.

It-tmexxija Ellenistika bdiet bil-wasla ta' Alessandru Manju fl-inħawi fit-332 Q.K. Dak iż-żmien kienu jintużaw il-muniti, u hemm abbundanza ta' evidenza ta' kummerċ kontinwu ma' pajjiżi oħra fil-Mediterran.

Matul il-perjodu tal-Griegi-Rumani, it-tempju ta' Resheph reġa' nbena b'mod elaborat, u l-belt, għalkemm kienet iżgħar mil-ġirien tagħha bħal Tyre u Sidon, kienet ċentru għall-qima ta' Adonis. Fis-seklu 3 inbena teatru żgħir iżda impressjonanti. Bl-istabbiliment tal-Kristjaneżmu ġie stabbilit veskovat f'Byblos, u l-belt kibret b'mod rapidu. Għalkemm huwa magħruf li ġiet stabbilita kolonja tas-Sassanidi fir-reġjun wara l-konkwisti Musulmani bikrin tas-636, ma tantx hemm wisq evidenza arkeoloġika dwar dan. Il-kummerċ mal-Ewropa effettivament batta għalkollox, u l-prosperità f'Byblos reġgħet tfaċċat lejn il-wasla tal-Ewwel Kruċjata fl-1098, meta l-belt kienet magħrufa bħala Gibelet jew Giblet.

Perjodu tal-Kruċjati, tal-Mamluk u tal-Ottomani

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-sekli 12 u 13, Byblos saret parti mill-Kontea ta' Tripoli, stat tal-ġellieda tal-Kruċjati assoċjat iżda pjuttost indipendenti mir-Renju tal-Ġellieda tal-Kruċjati ta' Ġerusalemm.

Bħala Gibelet jew Giblet, sfat taħt it-tmexxija tal-familja Embriaco minn Ġenova, li ħolqu t-Tmexxija ta' Gibelet għalihom stess, l-ewwel bħala amministraturi tal-belt f'isem ir-Repubblika ta' Ġenova, u mbagħad bħala entità ereditarja, li kienet tħallas miżata annwali lil Ġenova u lill-Knisja ta' San Lawrenz (il-Katidral ta' Ġenova).

Ir-residenza tal-familja Embriaco, il-kastell tal-ġellieda tal-Kruċjati ta' Gibelet, flimkien mar-raħal iffortifikat, servew bħala bażi militari importanti għall-ġellieda tal-Kruċjati. Il-fdalijiet tal-kastell huma fost l-iżjed strutturi arkitettoniċi impressjonanti li għadhom viżibbli fiċ-ċentru tal-belt. Il-belt ittieħdet minn Saladin fl-1187, reġgħet ittieħdet mill-ġellieda tal-Kruċjati, u nħakmet mill-Baibar fl-1266, iżda baqgħet f'idejn il-familja Embriaco sal-ħabta tal-1300.

Wara li arrendiet volontarjament kontra l-Mamluk, il-belt ħelsitha ħafif mis-serq li normalment kien isir wara ħakma. Il-fortifikazzjonijiet tagħha sussegwentement ġew irrestawrati mill-Baibar. Mill-1516 sal-1918, il-belt u r-reġjun kollu saru parti mill-Imperu Ottoman.

Storja kontemporanja

[immodifika | immodifika s-sors]

Byblos u l-Libanu tpoġġew taħt il-Mandat Franċiż mill-1920 sal-1943 meta l-Libanu kisbu l-indipendenza. Il-Gwerra tal-Libanu tal-2006 affettwat negattivament il-belt antika billi ksiet il-port u s-swar tiegħu biż-żejt minn roqgħa minn impjant tal-enerġija fil-qrib. Madankollu, din ir-roqgħa ġiet ikklirjata u ż-żona kostali minn dak iż-żmien 'l hawn saret destinazzjoni għall-għawwiema fil-bajja, speċjalment fl-aħħar tar-rebbiegħa u matul l-istaġun tas-sajf.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Byblos ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[7]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[7]

L-abitanti ta' Byblos huma b'mod predominanti Kristjani, l-iktar Maroniti, b'minoranzi ta' Appostoliċi Armeni, Ortodossi Griegi, u Kattoliċi Griegi. Hemm ukoll minoranza ta' Musulmani Xiiti. Jingħad li l-belt ta' Bint Jbeil ("Bint Byblos") fin-Nofsinhar tal-Libanu ġiet stabbilita minn dawk il-Musulmani Xiiti. Byblos għandha tliet rappreżentanti fil-Parlament tal-Libanu: żewġ Maroniti u persuna Musulmana Xiita.

F'Byblos hemm l-iskejjel professjonali tal-Università Amerikana Libaniża (LAU). Il-kampus tal-LAU f'Byblos jospita l-Iskola Medika, l-Iskola tal-Inġinerija, l-Iskola tal-Arkitettura u d-Disinn, l-Iskola tal-Farmakoloġija, li toffri l-unika Programm tal-Farmakoloġija barra mill-Istati Uniti li huwa akkreditat mill-Kunsill tal-Akkreditazzjoni tal-Edukazzjoni Farmakoloġika (ACPE), l-Iskola tan-Negozju, u l-Iskola tal-Arti u x-Xjenzi. Il-kampus jinsab fuq għolja li tħares fuq il-belt u l-Baħar Mediterran.

Byblos qed terġa' tfeġġ bħala ċentru turistiku fuq skala kbira. Hija destinazzjoni turistika ideali minħabba l-port antik tagħha, il-fdalijiet Feniċji, Rumani u tal-Kruċjati, il-bajjiet bir-ramel u l-muntanji pittoreski ta' madwarha. Il-belt hija magħrufa għar-ristoranti tal-ħut tagħha, il-bars fil-beraħ, u l-kafetteriji fil-beraħ. Il-jottijiet jidħlu fil-port tagħha kif kienu jagħmlu fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20, meta Marlon Brando u Frank Sinatra kienu viżitaturi regolari tal-belt. Byblos ġiet inkurunata bħala l-"Kapitali Turistika Għarbija" għall-2016 mill-Ministru għat-Turiżmu Libaniż fil-Grand Serail f'Bejrut. Byblos intgħażlet minn Condé Nast Traveler bħala t-tieni l-aqwa belt fil-Lvant Nofsani għall-2012, qabel Tel Aviv u Dubai, u mill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu bħala l-aqwa belt turistika Għarbija għall-2013.

Sit arkeoloġiku ta' Byblos

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Ain el-Malik jew l-Għajn tar-Re, fonda madwar 20 metru, hija ħofra kbira li hija aċċessibbli permezz ta' garigor taraġ spirali. Fl-imgħoddi kienet tissupplixxi l-belt bl-ilma. Skont il-verżjoni ta' Plutarka tal-ġrajja Eġizzjana ta' Osiris, il-qaddejja tar-re ltaqgħu ma' Isis fuq it-taraġ tal-għajn u ħaduha lejn il-palazz irjali, fejn sabet ġisem ir-raġel tagħha Osiris inkorporat f'wieħed mill-pilastri tal-palazz.
  • It-Tempju b'Għamla ta' L inbena għall-ħabta tal-2700 Q.K.
  • It-Tempju tal-Obeliski, li oriġinarjament inbena fl-1600-1200 Q.K. fuq it-"Tempju b'Għamla ta' L", ġie mċaqlaq fil-pożizzjoni attwali tiegħu mill-arkeologi. Il-bosta obeliski żgħar li nstabu f'dan it-tempju ntużaw bħala offerti reliġjużi. Is-santwarju kien fih għadd kbir ta' figurini umani tal-bronż u miksija bil-folji tad-deheb, li issa jinsabu għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali ta' Bejrut.
  • In-nekropoli rjali tmur lura għat-tieni millenju Q.K. u fiha l-oqbra tar-rejiet ta' Byblos, inkluż ir-Re Ahiram.
  • It-teatru Ruman inbena għall-ħabta tal-218 W.K.

Binjiet storiċi oħra

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Mużew tax-Xama' ta' Byblos

Il-Mużew tax-Xama' ta' Byblos għandu statwi tax-xama' għall-wiri ta' karattri li jmorru lura minn żmien il-Feniċi saż-żminijiet moderni.

  • Il-Mużew tal-Fossili ta' Byblos

Il-Mużew tal-Fossili ta' Byblos għandu kollezzjoni ta' ħut, klieb il-baħar, sallura, ħut li jinqata' mill-ilma, u organiżmi marittimi oħra ffossilizzati, li wħud minnhom għandhom miljuni ta' snin.

  • Is-Swar Medjevali tal-Belt

Il-parti Medjevali antika ta' Byblos hija mdawra bi swar li jibqgħu sejrin għal madwar 270 metru mil-Lvant għall-Punent u għal 200 metru mit-Tramuntana għan-Nofsinhar.

  • Il-Kastell ta' Byblos

Il-Kastell ta' Byblos inbena mill-ġellieda tal-Kruċjati fis-seklu 12. Jinsab fis-sit arkeoloġiku ħdejn il-port.

Ix-xogħol tal-kostruzzjoni fuq il-knisja beda matul il-Kruċjati fl-1115. Tqieset bħala katidral u nqerdet parzjalment minn terremot fl-1170 W.K. Iktar 'il quddiem ingħatat l-Isqof Maronit bħala rigal mill-Prinċep Yusuf Shihab.

  • Il-Moskea ta' Sultan Abduljid

Il-moskea l-antika qrib il-kastell tmur lura għall-perjodu tal-Mamluk, u adottat isem is-Sultan Abdulmejid I wara li rrinnovaha.

  • Il-Kwartier Storiku u s-Suq

Fis-sezzjoni tax-Xlokk tal-belt storika, qrib id-daħla tas-sit arkeoloġiku, hemm suq antik fejn it-turisti jistgħu jixtru xi antikitajiet u xi tifkira, jew sempliċement jimxu tul it-toroq biċ-ċagħaq u jgawdu l-arkitettura.

  • Il-Festival Internazzjonali ta' Byblos

Dan il-festival mużikali tas-sajf huwa avveniment annwali li jsir fil-kwartier storiku tal-belt.

  • It-Tempju ta' Baalat Gebal

Nies notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Majdi Allawi (twieled fl-1970), patri Maronit Libaniż, fundatur ta' assoċjazzjoni

Relazzjonijiet internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]
Ġemellaġġi

Byblos hija ġemellata ma':

  1. ^ Garfinkel, Yosef (2004). ""Néolithique" and "Énéolithique" Byblos in Southern Levantine Context". In E. J. Peltenburg; Alexander Wasse (eds.). Neolithic Revolution: New Perspectives on Southwest Asia in Light of Recent Discoveries on Cyprus. Oxbow Books. ISBN 978-1-84217-132-5.
  2. ^ Dumper, Michael; Stanley, Bruce E.; Abu-Lughod, Janet L. (2006). Cities of the Middle East and North Africa. ABC-CLIO. p. 104. ISBN 1-57607-919-8.
  3. ^ "Byblos | Ancient Phoenician City, Lebanon | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-06.
  4. ^ "Byblos | The world's 20 oldest cities - Travel | Ghostarchive". ghostarchive.org. Miġbur 2023-12-06.
  5. ^ "Byblos Timeline". www.worldhistory.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-06.
  6. ^ karim.sokhn (2023-04-27). "Byblos Site" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-06.
  7. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Byblos". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-06.
  8. ^ "Phoenician alphabet | Definition, Letters, & History | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-06.
{{bottomLinkPreText}} {{bottomLinkText}}
Byblos
Listen to this article

This browser is not supported by Wikiwand :(
Wikiwand requires a browser with modern capabilities in order to provide you with the best reading experience.
Please download and use one of the following browsers:

This article was just edited, click to reload
This article has been deleted on Wikipedia (Why?)

Back to homepage

Please click Add in the dialog above
Please click Allow in the top-left corner,
then click Install Now in the dialog
Please click Open in the download dialog,
then click Install
Please click the "Downloads" icon in the Safari toolbar, open the first download in the list,
then click Install
{{::$root.activation.text}}

Install Wikiwand

Install on Chrome Install on Firefox
Don't forget to rate us

Tell your friends about Wikiwand!

Gmail Facebook Twitter Link

Enjoying Wikiwand?

Tell your friends and spread the love:
Share on Gmail Share on Facebook Share on Twitter Share on Buffer

Our magic isn't perfect

You can help our automatic cover photo selection by reporting an unsuitable photo.

This photo is visually disturbing This photo is not a good choice

Thank you for helping!


Your input will affect cover photo selection, along with input from other users.

X

Get ready for Wikiwand 2.0 🎉! the new version arrives on September 1st! Don't want to wait?