For faster navigation, this Iframe is preloading the Wikiwand page for Ġużè Ellul Mercer.

Ġużè Ellul Mercer

Ġużè Ellul Mercer
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta


Deputat Prim Ministru ta' Malta

Ħajja
Twelid Imsida (en) Translate, 22 Marzu 1897
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Mewt Tas-Sliema, 22 Settembru 1961
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
ġurnalist
kittieb

Ġużè Ellul Mercer (twieled fit-22 ta' Marzu 1897 – miet fit-22 ta' Settembru 1961) kien kittieb, ġurnalist u politiku Malti. Hu serva bħala Viċi-Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.

Ġużè Ellul Mercer, bin Salvu Ellul u Jane mwielda Mercer, twieled l-Imsida. Kien il-kbir fost tnax-il aħwa. Zijuh Anthony (ħu ommu) kellu sehem fit-twaqqif tal-Boy Scouts f'Malta fi żmien Baden-Powell.

In-nannu matern ta' Ġużè Ellul Mercer kien Skoċċiż u ġie Malta bħala perit u inġinier ċivili biex jiddisinja baċir ġdid għat-tarzna. F'Malta ltaqa' man-nanna ta' Ellul Mercer, iżżewġu u kellhom tifla li semmewha Jane. In-nannu ta' Ġużè Ellul Mercer kien Protestant iżda qabel miet sar Kattoliku.

Jane Mercer, omm Ġużè, li kienu jsejħulha "Jinny" jew "Ġanna", kienet tifla waħedha. Kienet mara brava ħafna u għallmet lit-tfal b'mod li dawn żviluppaw it-talenti tagħhom, min f'qasam u min f'ieħor.

In-nanniet paterni ta' Ġużè Ellul Mercer kienu negozjanti u kienu jipproduċu l-mastka. Kellhom ħanut fi Strada Merkanti, il-Belt Valletta. Omm u Missier Ġużè saru ukoll negozjanti tax-xorb.

Wieħed minn ħut Ġużè daħal Patri Franġiskan, Patri Beneditt li kien missjunarju u mar il-Gwatemala u l-Honduras. Huwa kien ġie lura Malta wara l-mewt ta' ħuh Ġużè.

Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola elementari tal-Gżira, fil-Kulleġġ Flores u l-Liċeo.

Skrivan mal-Gvern

[immodifika | immodifika s-sors]

Waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, beda jaħdem bħala skrivan mal-Gvern, fejn anke laħaq il-grad ta' Chief Clerk, u baqa' f'dak ix-xogħol sal-1950.

Ġużè Ellul Mercer kien ilu midħla tal-politika sa mill-1919 qabel it-twaqqif tal-Partit Laburista. Fl-1924 daħal fil-Kumitat tal-Każin Laburista tal-Imsida. Fl-1928 inħatar assistent editur tal-ġurnal Laburista Il Cotra, u fl-1930 sar editur.

Fl-1928, kiteb sensiela ta' buzzetti bl-isem Il-Ħrejjef ta' Barraminau f'Il-Ħmar, kitba li ġiet ikkundannata mill-awtoritajiet tal-Knisja. Il-Pulizija tellgħet il-Qorti lid-Direttur, C. Satariano, kif ukoll lill-Editur Proprjetarju, Ġużeppi Arena. Huma kienu ammoniti iżda appellaw u rebħu l-każ.

Ellul Mercer kien ibati b'qalbu u fl-24 ta' April 1929, kiteb lis-segretarju ġenerali tal-Partit Laburista biex jagħti r-riżenja tiegħu mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit: "Nitolbok tgħarraf lill-bqija ta' sħabi tal-Eżekuttiv tal-Partit tal-ħaddiema li wisq nixtieq illi minn issa 'l quddiem ma jgħoddunix aktar bħala wieħed minnhom. Naħseb li temminni jekk ngħidlek illi dana miniex qiegħed nagħmlu bil-qalb iżda, mill-banda l-oħra, inħossni fid-dmir illi għandi nagħmlu għall-ġid tal-Partit meta, mhux talli miniex qiegħed inħabrek biex naqdi dmiri bħala Assistent Direttur ta' ‘Il Cotra' iżda talli qiegħed nonqos bis-sħiħ mil-laqgħat wisq meħtieġa tal-Eżekuttiv. Nistħajjlek tgħidli: ‘kien imissek ilek li ħsibtha u rajt x'ser tagħmel. Tassew, iżda dan ma għamiltux qabel għax bqajt nittama minn jum għal ieħor illi 'l quddiem inkun nista' naqdi dmiri aħjar, u minflok dan sibt illi aktar qiegħed niżdinga. Ma rridekx taħseb illi qiegħed nitlobkom sabiex ma tqisunix aktar bħala wieħed minnkom, għal xi raġuni oħra għajr dik illi tmiss lili biss. – J'Alla l-Partit jibqa' dejjem qawwi kif kien s'issa, u j'Alla l-mexxejja tiegħu jibqgħu dejjem jaqdu dmirhom kif qdejtuh intom sal-lum. Iżda jkun wisq aħjar għall-Partit jekk loki jiġi mimli minn ieħor illi jkun jista' jaqdi dmiru kif jixraq u aħjar milli qdejtu jien minn issa lura. Mill-bqija, għad illi barra mill-Eżekuttiv, nitlobkom sabiex tibqgħu tqisuni bħala wieħed minn sħabkom tal-Partit tal-Ħaddiema".

Iżda Ellul Mercer kompla l-ħidma tiegħu fil-Partit Laburista u fl-1931 kien President tal-Każin Laburista tal-Imsida.

Wara l-Gwerra

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1945 huwa ta sehem kbir fl-abbozz tal-Kostituzzjoni l-ġdida tal-1947. Ellul Mercer kien wieħed mill-kelliema prinċipali tal-Labour Front, jiġifieri l-General Workers' Union u l-Partit Laburista. Il-kelliema prinċipali l-oħra kienu Pawlu Boffa, Reġġie Miller, Mosè Gatt, Indri Cilia, Leli Tabone, Nestu Laiviera u Turu Colombo. Ellul Mercer ġie elett fil-Kumitat ta' Ħidma kif ukoll fil-Kumitat Finanzjarju. L-Assemblea Nazzjonali ltaqgħet għall-aħħar darba fis-7 ta' Marzu 1947. Bis-saħħa tiegħu u ta' oħrajn saru kisbiet kbar għall-Maltin, fosthom li Malta ngħatat lura s-Self-Government fil-5 ta' Settembru 1947, l-irġiel u n-nisa li għalqu 21 sena setgħu jivvutaw u kull elettur seta' jkollu vot wieħed biss għall-elezzjoni tal-Assemblea Leġislattiva.

Fl-1947 il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet imma sentejn wara l-Partit inqasam bejn dawk li baqgħu mal-Mexxej Pawlu Boffa u dawk li marru mal-Perit Dom Mintoff. Ellul Mercer żamm mal-Perit Mintoff, minkejja li kien ħadem mill-qrib mat-Tabib Boffa li kien ilu jmexxi l-Partit Laburista sa mill-1928. Huwa mexa ma' dak li kienet iddeċidiet il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li neħħiet lil Boffa minn Mexxej tal-Partit Laburista.

Fl-1950 ikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali u ma telax. F'dik l-elezzjoni, minkejja li bejniethom il-Partit Laburista (ta' Mintoff) u l-Malta Workers Party (ta' Boffa) ġabu aktar voti u aktar siġġijiet mill-Partit Nazzjonalista, kien dan tal-aħħar li eventwalment ifforma Gvern ta' minoranza għaliex baqa' ma ntlaħaqx ftehim bejn iż-żewġ partiti politiċi tax-xellug.

Il-Kap Nazzjonalista Nerik Mizzi miet fl-20 ta' Diċembru 1950 u floku laħaq Prim Ministru, Dr Giorgio Borg Olivier, iżda dan kien Gvern ta' minoranza li kellu ħajja qasira tant li f'Mejju 1951 saret elezzjoni ġenerali oħra. Ellul Mercer tela' f'dik l-elezzjoni u fit-tnejn ta' wara: 1951, 1953 u 1955. Huwa dejjem ikkontesta fuq il-ħames distrett elettorali li kien magħmul mill-Gżira, l-Imsida, Tas-Sliema u San Ġiljan.

Fl-1952, Ellul Mercer ħa sehem attiv f'inizjattiva tal-Għaqda Żgħażagħ Laburisti, li bdiet torganizza s-Sunday Schools fil-Kumitat Lokali Laburista ta' Wied il-Għajn, b'lekċers u seminars fi tmiem il-ġimgħa. Kienu jiġu mistiedna l-aqwa kelliema bħal Duminku Mintoff, Patri Wistin Born, Leli Tabone u Ġużè Ellul Mercer.

Il-Gvern ta' Koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Malta Workers' Party ma damx wisq u f'Diċembru 1953 kellha ssir elezzjoni ġenerali oħra. Din id-darba l-Partit Laburista ġab siġġu aktar mill-Partit Nazzjonalista, iżda l-Malta Workers' Party, bit-tliet siġġijiet biss li kien kiseb fl-Assemblea Leġiżlattiva, qaleb il-bilanċ favur in-Nazzjonalisti billi reġa' fforma Gvern ta' Koalizzjoni magħhom. Kellu jkun il-Ministru John J. Cole li jwaqqa' l-Gvern ta' Koalizzjoni u, għalhekk, saret elezzjoni ġenerali oħra fi Frar 1955 li ntrebħet mill-Partit Laburista mmexxi mill-Perit Mintoff.

Ministru u Viċi Prim Ministru

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1955, Dom Mintoff ħatar lil Ellul Mercer Ministru tax-Xogħol u Rikostruzzjoni u nhar id-9 ta' Marzu 1955 inħatar Deputat Mexxej tal-Partit wara r-riżenja ta' Ġużè Flores li laħaq Speaker tal-Assemblea Leġislattiva. Fl-elezzjoni għal Deputat Mexxej, E.C. Tabone kien ġab 93 vot u Ellul Mercer ġab 217-il vot.

Lejlet l-Ewwel tas-Sena 1956, Ellul Mercer, bħala Aġent Prim Ministru, xandar f'isem il-Prim Ministru, Messaġġ ta' Lejlet L-Ewwel tas-Sena lill-Poplu Malti. Ellul Mercer qal li l-poplu Malti seta' jħares lura u 'l quddiem b'sodisfazzjon. Fost affarijiet oħra huwa qal li l-poplu kien temm l-ewwel fażi, dik l-aktar iebsa, tar-riorganizzazzjoni tal-ħajja soċjali u ekonomika ta' Malta. Dan kien ifisser li l-massa tal-poplu jaslulhom l-għerf, is-sigurtà u kundizzjonijiet ta' ħajja aħjar.

Għall-ewwel darba fl-istorja ta' Malta t-tfal kollha kienu qed jirċievu edukazzjoni "full time." Il-piż fuq l-aktar ġenituri li kienu daharhom mal-ħajt ħfief billi l-iskola saret b'xejn kif ukoll il-ħalib u l-kotba. Fl-aħħar ingħata bidu biex tiġi stabbilita l-edukazzjoni teknika u t-taħriġ tal-adulti. Numru ta' dawk l-istudenti li kienu l-aktar bravi flimkien mal-għalliema tagħhom, kif ukoll tekniċi oħra, u ħaddiema professjonali kienu se jintbagħtu l-Ingilterra biex jirċievu l-iktar taħriġ avvanzat li kien jeżisti dak iż-żmien.

Ellul Mercer semma wkoll li kien hemm pjanijiet fi stat avvanzat għat-titjib tal-Port il-Kbir, xi ħaġa li tant kienet importanti għall-progress industrijali. Kien hemm ukoll pjanijiet biex Malta jkollha biżżejjed ilma frisk u b'togħma tajba. It-tħawwil tas-siġar kien se jkollu effett tajjeb fuq it-turiżmu.

Fl-aħħar parti tad-diskors tiegħu, Ellul Mercer irrefera għall-proposta tal-Integrazzjoni ("Integration") ta' Malta mal-Ingilterra. Il-kliem tiegħu juri ċertu ottimiżmu fejn jidħlu r-relazzjonijiet ta' Malta mal-Ingilterra.

Fiż-żmien li dam Ministru, jiġifieri bejn Marzu 1955 u April 1958, Ellul Mercer wettaq diversi proġetti, fosthom dak ta' Portes Des Bombes, il-Playing Field u r-Roundabout tal-Imsida u, l-proġett ta' bini u estensjoni ta' skejjel. Sa Marzu 1957 diġà kienu nbnew 18-il skola ġdida u saru estensjonijiet f'ħafna skejjel oħra. Fl-1957, kien se jibda x-xogħol fuq 11-il skola oħra, kienet se ssir estensjoni tal-iskola f'Ħaż-Żebbuġ u tinbeda skola sekondarja għall-bniet fil-Blata l-Bajda. Ix-xogħol ta' bini u estensjoni tal-iskejjel kien kollu kemm hu fdat f'idejn il-Ministeru tax-Xogħlijiet u Rikostruzzjoni mmexxi minn Ġużè Ellul Mercer.

Dan kien parti mir-riforma kbira li wettaq il-Gvern Laburista fl-edukazzjoni bejn l-1955 u l-1958. Permezz ta' din ir-riforma, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni beda joffri edukazzjoni "full-time" lit-tfal tal-iskola kollha f'qasir żmien. F'Marzu 1955, kien hemm 905 klassijiet fuq is-sistema "full-time", 636 kienu fuq is-sistema tan-nofstanhar, filwaqt li 155 kienu fuq is-sistema ta' 24 siegħa fil-ġimgħa. Sa Settembru 1955, il-klassijiet kollha kienu qed jaħdmu bis-sistema ta' ġurnata sħiħa ta' tagħlim. Il-Gvern Laburista daħħal jaħdmu 560 "Emergency Teacher", bena 138 klassi, kera 239 kamra u saħansitra għamel użu mill-kurituri bħala klassijiet. Il-Gvern ipprovda wkoll l-għamara meħtieġa u materjal ieħor fl-iskejjel għal dan il-għan. Dan kollu minbarra l-fatt li issa t-tfal tal-iskola kienu se jingħataw kotba, pitazzi u ħalib b'xejn, kien se jkun hemm is-superviżjoni fil-brejk ta' nofs il-ġurnata, u kienu se jkunu organizzati kampijiet tas-sajf ("summer camps") u ħarġiet fl-istess staġun.

Fl-1929 Ellul Mercer kiteb għaliex daħal fil-politika u fil-Partit Laburista:

 Il-politika ftit togħġobni. Insibha logħba daqsxejn maħmuġa u x'aktarx imgerfxa, iżda b'dankollu jkolli naqbel u ngħid li hi meħtieġa... Lanqas ma jien fil-Partit tal-Ħaddiema għax għandi xi tama li dan il-partit se jsewwi d-dinja pitgħada jew sejjer ibiddel il-ġimgħa d-dieħla d-drawwiet il-ħżiena tiegħi u ta' ħuti l-bnedmin u jaqlgħalna snienna biex ma nigdmux lil xulxin, kif għadna sal-lum kull darba li niltaqgħu, jew li nħarsu lejn xulxin... Jien qiegħed fil-Partit tal-Ħaddiema għax dan il-partit mhux mibni fuq is-sisien dgħajfin tal-ħila ta' min qiegħed imexxih, iżda fuq l-itjeb twemmin – għallinqas fil-fehma tiegħi, hux hekk? – jiġifieri fuq it-twemmin li kull min twieled bniedem, għandu jgħix ta' bniedem, kull min twieled jeħtieġ li jitgħallem ta' bniedem, jaħdem ta' bniedem u jiekol ta' bniedem, tant jekk twieled bin il-għana, kemm jekk twieled bin il-faqar... Il-mexxejja ta' ħila politika jiġu u jmorru, jgħaddu u jintnesew, u flokhom jiġu oħrajn, iżda l-prinċipji, il-pedamenti sodi li fuqhom huwa mibni l-Partit tal-Ħaddiema, ma jitbiddlux. 

Munita maħruġa mill-Lombard bank biex tikkommemora lil Ġuże Ellul Mercer

Ellul Mercer kien jara fil-kitba mezz kif jeduka lill-poplu Malti. Fil-kitba tiegħu bl-isem ta' "Tagħlim" f'Il Cotra tas-17 ta' April 1930, jgħid hekk: "Jekk wieħed jitgħallem u jinzerta minn dawk li ma jkunux iridu jisservew bit-tagħlim biex iqarrqu bil-kotra li ma taf xejn, isib ruħu mfixkel meta jiġi biex jitħaddet mal-kotra għaliex din ma tifhmux. Mhux hekk biss imma, waqtiet il-kotra bla tagħlim temmen lil min iqarraq biha u ma temminx lill-ħaddiem bħalha li jkun tgħallem."

Il-problema tan-nuqqas ta' edukazzjoni fost ħafna Maltin kienet tinħass anke fost l-emigranti Maltin. Fil-kitba tiegħu "Awake Malta" f'Il Cotra tat-2 ta' Ottubru 1930, Ellul Mercer jistqarr li: "Inħarsu ftit lejn l-imsejkna ħaddiema illi nibgħatu f'ċerti pajjiżi evoluti filwaqt li ma jafux jitħaddtu bl-Ilsien Malti, waqt li jridu jilbsu ż-żarbun l-ewwel darba, jekk jilbsuh, meta jirfsu f'dawn l-artijiet tad-dawl. Liema hija l-impressjoni li jagħmlu lill-awtoritajiet ta' dawk il-pajjiżi dawn l-imsejkna Maltin li, imħollijin għal tal-apposta fl-injoranza, marru jaqilgħu ħobżhom, rashom mimlija bil-fanatiżmu u bl-idealiżmu illi jdaħħak lill-ġebel? Liema hija l-impressjoni illi jagħtu lill-mexxejja ta' dawn l-artijiet, dawn in-nies li għadhom jemmnu u jibżgħu mill-fatati fil-ħin illi rashom mimlija mill-parassiti ta' pajjiżhom li huma għandhom ċivilizzazzjoni li tgħaġġeb lid-dinja? Il-għaliex allura, ma nwarrbux għal kollox minn quddiem għajnejna l-kwistjonijiet ta' partiti politiċi u ngħallmu bis-serjeta' kollha lill-ħaddiem Malti? B'hekk biss meta jmur jikkonkorri mal-ħaddiema ħutu ta' pajjiżi oħra ma jgħodduhx ta' bhima u ta' selvaġġ".

Ġużè Ellul Mercer beda l-karriera letterarja tiegħu fl-1927 meta beda jikteb novelli satiriċi f'Il-Ħmar u f'Il-Ħmara. Iktar tard beda jikteb regolarment f'The Knight, rivista mensili Laburista, li fiha kiteb djarju ta' żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Kiteb ukoll mijiet ta' artikli għal Il Cotra u ġurnali u rivisti oħra. Fost ix-xogħlijiet tiegħu nsibu:

  • La Toqtolx (1927)
  • Siltiet mir-Rivoluzzjoni Franċiża ta' Carlyle (1928)
  • Ħrejjef ta' mingħul (1929)
  • Għall-Imħabba (1938)
  • Leli ta' Ħaż-Żgħir (1938) rumanz psikoloġiku, l-ewwel wieħed tal-ġeneru tiegħu fil-Letteratura Maltija, kapulavur letterarju ta' Ellul Mercer. Fih l-awtur iħares lejn l-injoranza bħala dik li twassal għall-isfruttament. Biex wieħed jevita dan, kellu jiftaħ moħħu. Il-karattru prinċipali tal-ktieb, Leli, jispiċċa dejjem aktar soċjalment maqtugħ iktar ma jiftaħ moħħu għax f'Ħaż-Żgħir il-ħajja kienet tibqa' sejra mingħajr ma wieħed jieqaf biex jaħseb u jirrifletti. Fid-dlam intellettwali ta' Ħaż-Żgħir, in-nies ma tifhimx lil Leli u tgħaddih ta' wieħed miġnun. Dan ix-xogħol ta' Ellul Mercer huwa kritika qawwija tal-istat tal-biki li kienet fih is-soċjetà Maltija fis-snin ta' qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Kienet teżisti kriżi soċjali li żviluppat f'waħda psikoloġika, spiritwali u reliġjuża.
  • Taħt in-Nar (1949), djarju tal-Gwerra
  • Għadd ta' Stejjer Qosra (1929-1952)
  • Naħal u Friefet (1949) (1957), antoloġija f'żewġ partijiet
  • Il-Martirju ta' Poplu (1982) ġabra ta' xogħlijiet tiegħu ppubblikati wara mewtu

Ħajja Personali

[immodifika | immodifika s-sors]
Monument lil Ġuże Ellul Mercer f'Ħad-Dingli

Fl-1921 iżżewweġ lil Maria Teresa imwielda Brockdorff, bint Federiku, stampatur mill-Imsida. It-tieġ sar it-Tlieta 26 ta' Lulju 1921. Marru joqogħdu f'Numru 40, Ta' Xbiex Wharf, l-Imsida. Ġużè u Maria Teresa ma kellhomx ulied.

Fil-11 ta' Jannar 1953, martu mietet wara marda qalila, fid-dar, Numru 55, Triq il-Katidral, Tas-Sliema fejn kienu marru joqogħdu. Kellha biss 55 sena meta mietet. Fl-1951 kienet mietet ukoll omm Ellul Mercer. It-telfa ta' martu kellha effett negattiv kbir fuq Ġużè Ellul Mercer li kultant kien jgħaddi minn żmien ta' dwejjaq kbar. Fl-aħħar snin ta' ħajtu, Ellul Mercer kien jixrob u dan kien fattur li wassal għall-mewt tiegħu.

Ellul Mercer kien dilettant kbir tal-kaċċa. Minkejja t-Tieni Gwerra Dinjija, xorta waħda sab il-ħin għal dan id-delizzju, kif kiteb fid-djarju għall-Ħadd it-3 ta' Novembru 1940: "Sa minn tfuliti n-namra tiegħi kienet minn dejjem il-kaċċa. U għalhekk bħal daż-żmien, ikun xi jkun, malli jsiru l-erbgħa ta' filgħodu, inħoss xi jqajjimni u, kemm fir-rqad kif ukoll xħin nistenbaħ, erħili noħlom il-ħolm ħelu tal-kaċċaturi bħali. Jumejn ilu, nhar il-Qaddisin Kollha, fil-ħamsa u nofs ta' filgħodu, ħriġt bis-senter u rħejtilha għal Wied Għollieqa li jiġi biswit il-Gżira, taħt l-Isptar tal-‘Blue Sisters'. F'ħin minnhom dħalt f'għorfa, f'qiegħ il-wied, fejn kienu għammru xi nies mill-Gżira fl-ewwel jiem tal-gwerra. Meta telquha, dawn kienu ħallew warajhom ħwejjeġ qodma, xkejjer, tiben, żarbuna tat-tfal u oħra ta' mara u kuċiniera mkissra."

Ġużè Ellul Mercer miet Tas-Sliema nhar it-22 ta' Settembru 1961, fl-età ta' 64 sena, fi żmien il-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża u billi kien interdett mill-Knisja għax kien membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista huwa ndifen fil-parti mhux ikkonsagrata taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, imsejħa l-Miżbla. Fl-1986, kien inkixef monument tiegħu f'Ħad-Dingli, xogħol l-iskultur Anton Agius.

{{bottomLinkPreText}} {{bottomLinkText}}
Ġużè Ellul Mercer
Listen to this article

This browser is not supported by Wikiwand :(
Wikiwand requires a browser with modern capabilities in order to provide you with the best reading experience.
Please download and use one of the following browsers:

This article was just edited, click to reload
This article has been deleted on Wikipedia (Why?)

Back to homepage

Please click Add in the dialog above
Please click Allow in the top-left corner,
then click Install Now in the dialog
Please click Open in the download dialog,
then click Install
Please click the "Downloads" icon in the Safari toolbar, open the first download in the list,
then click Install
{{::$root.activation.text}}

Install Wikiwand

Install on Chrome Install on Firefox
Don't forget to rate us

Tell your friends about Wikiwand!

Gmail Facebook Twitter Link

Enjoying Wikiwand?

Tell your friends and spread the love:
Share on Gmail Share on Facebook Share on Twitter Share on Buffer

Our magic isn't perfect

You can help our automatic cover photo selection by reporting an unsuitable photo.

This photo is visually disturbing This photo is not a good choice

Thank you for helping!


Your input will affect cover photo selection, along with input from other users.

X

Get ready for Wikiwand 2.0 🎉! the new version arrives on September 1st! Don't want to wait?