For faster navigation, this Iframe is preloading the Wikiwand page for Bosra.

Bosra

Bosra
 Sirja
Amministrazzjoni
PajjiżSirja
Governorate of SyriaGovernorat ta' Dar'a
Ismijiet oriġinali بصرى
Ġeografija
Koordinati 32°31′N 36°29′E / 32.52°N 36.48°E / 32.52; 36.48Koordinati: 32°31′N 36°29′E / 32.52°N 36.48°E / 32.52; 36.48
Bosra is located in Sirja
Bosra
Bosra
Bosra (Sirja)
Għoli 850 m
Demografija
Popolazzjoni 19,683 abitanti (2004)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 15
Żona tal-Ħin UTC+2

Bosra (bl-Għarbi: بُصْرَىٰ, b'ittri Rumani: Buṣrā), li qabel kienet Bostra (bil-Grieg: Βόστρα) u li uffiċjalment tissejjaħ Busra al-Sham (bl-Għarbi: بُصْرَىٰ ٱلشَّام, b'ittri Rumani: Buṣrā al-Shām), hija belt fin-Nofsinhar tas-Sirja, li amministrattivament tagħmel parti mid-Distrett ta' Daraa tal-Governorat ta' Daraa u li ġeografikament tagħmel parti mir-reġjun ta' Hauran.

Skont l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tas-Sirja (CBS), Bosra kellha popolazzjoni ta' 19,683 ruħ fiċ-ċensiment tal-2004. Hija ċ-ċentru amministrattiv tan-nahiyah ("sottodistrett") ta' Bosra li huwa magħmul minn disa' lokalitajiet b'popolazzjoni kollettiva ta' 33,839 ruħ fl-2004. L-abitanti ta' Bosra huma predominantement Musulmani Sunniti, għalkemm fil-belt hemm komunità Musulmana Xiita żgħira.

Bosra għandha storja antika u matul żmien ir-Rumani kienet belt kapitali provinċjali għanja u Arċiveskovat Metropolitan, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Patriarkat Ortodoss tal-Lvant ta' Antjokja u l-Lvant Kollu. Baqgħet importanti amministrattivament matul l-era Iżlamika, iżda gradwalment saret inqas prominenti matul l-era Ottomana. Saret ukoll sede titolari Kattolika Latina u s-sede episkopali ta' Arċipatriarkat Kattoliku Melkit. Illum il-ġurnata, il-belt hija sit arkeoloġiku ewlieni u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Bosra kienet l-ewwel belt tan-Nabatej fis-seklu 2 Q.K. Ir-Renju tan-Nabatej inħakem minn Cornelius Palma, ġeneral ta' Trajanu, fil-106 W.K.

Skont John Malalas, il-belt kienet tissejjaħ Bostra (bil-Grieg Antik: Βόστρα) f'ġieħ Bostras, ġeneral Ruman li kien intbagħat fil-pajjiż.

Era Rumana u Biżantina

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Teatru Ruman ta' Bosra jmur lura għas-seklu 2 W.K.

Taħt l-Imperu Ruman Bosra ngħatat l-isem ġdid ta' Nova Trajana Bostra u kienet ir-residenza tal-Legio III Cyrenaica. Kienet il-belt kapitali tal-provinċja Rumana ta' Arabia Petraea. Il-belt iffjorixxiet u saret metropoli ewlenija f'salib it-toroq ta' diversi rotot kummerċjali, b'mod partikolari l-Via Traiana Nova, triq Rumana li kienet tikkollega Damasku mal-Baħar l-Aħmar. Saret ċentru importanti għall-produzzjoni tal-ikel u matul ir-renju tal-Imperatur Filippu l-Għarbi ta' Bosra bdiet tizzekka l-muniti tagħha stess. Iż-żewġ Kunsill tal-Arabja seħħew f'Bosra fil-246 u fil-247 W.K.

Sal-era Biżantina, li bdiet fis-seklu 5 W.K., il-Kristjaneżmu sar ir-reliġjon dominanti f'Bosra (Βόσρα bil-Grieg-Biżantin). Il-belt saret sede tal-arċisqof Metropolitan u fis-seklu 6 W.K. inbena katidral kbir. Bosra nħakmet mis-Sassanidi tal-Persja fil-bidu tas-seklu 7 W.K. iżda mbagħad reġgħet inħakmet mill-Biżantini.

Era Iżlamika

[immodifika | immodifika s-sors]
Mużajk Ruman ta' Bosra b'karovana tal-iġmla.

Bosra kellha rwol importanti fil-ħajja bikrija ta' Muħammed, kif deskritt fil-bijografija tal-patri Kristjan Bahira. Il-qawwiet tal-Kaliffat ta' Rashidun taħt il-ġeneral Khalid ibn Walid ħatfu l-belt mingħand il-Biżantini fil-Battalja ta' Bosra tas-634. Matul it-tmexxija Iżlamika, Bosra serviet bħala l-iżjed punt ta' kuntatt fin-Nofsinhar ta' Damasku, u l-prosperità tagħha tkattret bis-saħħa tal-importanza politika tal-belt kapitali. Bosra kellha importanza addizzjonali bħala ċentru tal-karovani tal-pellegrini bejn Damasku u l-bliet imqaddsa għall-Musulmani tal-Mekka u l-Medina, id-destinazzjonijiet tal-pellegrinaġġ annwali tal-hajj. It-tmexxija Iżlamika bikrija ma biddlitx l-arkitettura ġenerali ta' Bosra, tant li żewġ strutturi biss imorru lura għall-era tal-Umajjad (fis-721 u fis-746) meta Damasku kienet il-belt kapitali tal-Kaliffat. L-abitanti ta' Bosra gradwalment ikkonvertew għall-Iżlam u b'hekk is-siti mqaddsa tal-era Rumana bdew jintużaw għall-prattiki Musulmani. Fis-seklu 9 W.K. Ya'qubi kiteb li Bosra kienet il-belt kapitali tal-provinċja ta' Hauran.

Iċ-ċittadella ta' Bosra.

Wara tmiem l-era tal-Umajjad fis-750, l-attività ewlenija f'Bosra waqfet għal madwar 300 sena sal-aħħar tas-seklu 11 W.K. Fl-aħħar snin tat-tmexxija Fatimida, fl-1068, ġew ikkummissjonati għadd ta' proġetti ta' kostruzzjoni. Bil-wasla tat-tmexxija tas-Seljuk fl-1076, bdiet issir iktar enfasi fuq id-difiżi ta' Bosra. B'mod partikolari, it-teatru Ruman ġie ttrasformat f'fortizza, u ġie miżjud sular ġdid mat-torri intern b'garigor taraġ. Bil-wasla tat-tmexxija tad-dinastija Burida f'Damasku, il-ġeneral Kumushtakin ingħata l-pjanura kollha tar-reġjun ta' Hauran bħala kumpens mill-atabeg Tughtakin. Taħt Kumushtakin, żdiedu l-isforzi biex tissaħħaħ in-natura Musulmana tal-belt permezz tal-kostruzzjoni ta' għadd ta' binjiet Iżlamiċi. Ir-restawr tal-Moskea ta' Umari kien wieħed minn dawn il-proġetti. Il-moskea kienet inbniet mill-Umajjad fis-721. Moskea oħra li ġiet ikkummissjonata kienet il-Moskea iżgħar ta' Al-Khidr, li nbniet fil-Majjistral tal-belt, u ġiet stabbilita taħt Kumushtakin fl-1134. Kumushtakin ordna li tinbena wkoll madrasa maġenb is-santwarju Musulman f'ġieħ il-mabrak an-naqa ("l-irkopptejn tal-ġemel"), li mmarkat l-impronti tal-ġemel li l-profeta Muħammed rikeb meta daħal f'Bosra fil-bidu tas-seklu 7 W.K. Fl-1147, ir-Re Baldwin III ta' Ġerusalemm mexxa qawwa tal-Kruċjati kontra l-belt biex jaħkimha, madankollu, it-tentattiv tiegħu ma rnexxiex, u l-armata ta' Damasku mmexxija minn Mu'in ad-Din Unur irnexxielha żżomm gwarniġjon fiċ-ċittadella ta' Bosra.

Matul ir-renju tas-sultan Ajjubid Al-Adil I (1196-1218) Bosra gawdiet minn epoka tad-deheb ta' attivitajiet politiċi u arkitettoniċi. Wieħed mill-ewwel żviluppi arkitettoniċi fil-belt kienet il-kostruzzjoni ta' tmien torrijiet esterni kbar fit-teatru Ruman li kien ġie kkonvertit f'fortizza. Il-proġett beda fl-1202 u tlesta fl-1253, lejn l-aħħar tal-era Ajjubida. Iż-żewġ torrijiet tat-Tramuntana fl-irkejjen, waħedhom okkupaw iktar spazju mis-sitta l-oħra. Wara l-mewt ta' Al-Adil fl-1218, ibnu As-Salih Ismail wiret is-setgħa tiegħu f'Bosra u kien jirresjedi fiċ-ċittadella ffortifikata l-ġdida tagħha. Matul it-tmexxija ta' Ismail, Bosra kisbet prominenza politika. Ismail uża l-belt bħala l-bażi tiegħu meta stabbilixxa s-sultanat tiegħu f'Damasku f'żewġ okkażjonijiet separati, u rrenja bejn l-1237-1238 u l-1239-1245.

Fl-1596 Bosra dehret fir-reġistri tat-taxxa tal-Ottomani bħala Nafs Busra, u kienet tagħmel parti min-nahiyah tal-Bani Nasiyya fil-Qada ta' Hauran. Kellha popolazzjoni Musulmana magħmula minn 75 unità domestika u 27 għażeb, u popolazzjoni Kristjana magħmula minn 15-il unità domestika u tmien għożżieba. Kien jitħallsu t-taxxi fuq il-qamħ, ix-xgħir, l-għelejjel tas-sajf, is-siġar tal-frott jew siġar oħra, il-mogħoż u/jew ix-xehdiet tan-naħal u l-imtieħen tal-ilma.

Illum il-ġurnata, Bosra hija sit arkeoloġiku ewlieni, li jinkludi l-fdalijiet mill-era Rumana, Biżantina u Musulmana. Il-karatteristika prinċipali tagħha hija t-teatru Ruman ippreservat sew. Kull sena jsir festival nazzjonali tal-mużika li jiġi ospitat fit-teatru prinċipali.

Bosra ġiet affettwata minn bidliet soċjali u ekonomiċi sinifikanti mill-aħħar tal-Mandat Franċiż fl-1946. Filwaqt li sas-snin 50 tas-seklu 20 il-bejjiegħa fil-ħwienet ta' Bosra kienu minn Damasku, issa dawn huma residenti tal-belt ta' Bosra. Fl-aħħar tal-era Ottomana u fil-perjodu tal-Mandat Franċiż, kien hemm relazzjoni agrikola bejn is-sidien żgħar tal-artijiet u dawk li kienu jaħdmu l-artijiet u jitħallsu bil-qligħ mill-għelejjel, mentri mir-riformi agrarji fl-aħħar tas-snin 50 u 60 tas-seklu 20, ir-relazzjoni agrikola kienet bejn is-sidien tal-artijiet u ħaddiem imħallsa bil-pagi biex jaħdmu l-art. Bosta mir-residenti tal-belt marru jaħdmu fl-istati tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf, u jibagħtu r-rikavat tagħhom lil qrabathom f'Bosra. Skont l-istoriku Hanna Batatu l-bidliet soċjali flimkien maż-żieda fl-aċċess għall-edukazzjoni naqqsu ferm il-ħajja tradizzjonali tal-klans.

Matul il-presidenza ta' Hafez al-Assad (1970-2000), Bosra u l-villaġġi tal-madwar tħallew fil-biċċa l-kbira 'l barra mill-indħil tal-gvern, u ġeneralment kienu dominati politikament minn membri tal-klan prominenti tal-Al-Mokdad li kienu jagħmluha ta' intermedjarji bejn ir-residenti tar-raħal u l-gvernatur ta' Daraa u s-segretarju tal-fergħa tal-Partit ta' Ba'ath.

Fl-14 ta' Ottubru 2012, kien hemm sparar kbir minn forzi tal-gvern stazzjonati f'punti ta' kontroll tul it-triq prinċipali li tgħaddi minn nofs il-belt. Fit-13 ta' Novembru 2012 ġie rrapportat ġlied kbir fin-naħa tal-Lvant tal-belt. Sa Jannar 2013, wara 22 xahar ta' kunflitt qalb il-Gwerra Ċivili Sirjana li kienet għaddejja, xi refuġjati li ħarbu minn Bosra sostnew li l-vjolenza kienet skalat sew u ħafna katavri tħallew fit-toroq matul il-perjodu ta' vjolenza. Fil-15 ta' Jannar 2013 ġie rrapportat li ċ-ċittadella kienet qed tintuża mill-armata biex kuljum tispara fuq il-belt. Mill-bidu ta' Frar 2014, il-belt sfat taħt il-kontroll tal-Armata Sirjana. Madankollu, fil-31 ta' Jannar 2015, il-Ħames Diviżjoni tal-Armata kkonfrontat kontinġent tar-ribelli qrib it-teatru Ruman famuż u kien hemm ġlied kbir bl-armi tan-nar bejn iż-żewġ gruppi. Fl-1 ta' Frar 2015, il-forzi tal-Armata sparaw fuq xi żoni tal-kwartier tal-Lvant tal-belt. Fil-25 ta' Marzu 2015, ir-ribelli Sirjani ħatfu l-belt, u keċċew is-suldati Sirjani u l-milizji alleati wara erbat ijiem ta' ġlied intensiv.

Bosra reġgħet inħatfet mill-Armata Għarbija Sirjana fit-2 ta' Lulju 2018, wara li l-forzi ribelli arrendew. Il-ħtif mill-ġdid kien parti mill-Offensiva ta' Daraa, li kienet tinvolvi l-irtirar u/jew ir-rikonċiljazzjoni ta' bosta gruppi ribelli fl-inħawi.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Belt Antika ta' Bosra ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Attrazzjonijiet prinċipali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Banjijiet tan-Nofsinhar ta' Bosra.

Mill-belt li xi darba kellha 80,000 abitant, illum il-ġurnata għad fadal biss villaġġ insedjat qalb il-fdalijiet arkeoloġiċi. It-teatru Ruman tas-seklu 2 W.K., li x'aktarx inbena taħt Trajanu, huwa l-unika monument ta' dan it-tip. Il-gallerija ta' fuq tiegħu għandha għamla ta' portiku msaqqaf u ġiet ippreservata b'mod integrali. It-teatru Ruman ġie ffortifikat bejn l-481 u l-1231.

Barra minn hekk, hemm ukoll diversi monumenti tan-Nabatejn u tar-Rumani, knejjes Kristjani, moskej u madrasahs fi ħdan il-fdalijiet tal-fortifikazzjonijiet tal-belt. L-istruttura tal-katidral, bi pjanta ċentrali b'apsidi fil-Lvant b'żewġ sagristiji maġenbhom, kellhom influwenza deċiżiva fuq l-evoluzzjoni tal-arkitettura Kristjana, u sa ċertu punt fuq l-istil Iżlamiku. Il-Moskea ta' Al-Omari ta' Bosra hija waħda mill-eqdem moskej eżistenti fl-istorja Iżlamika.

Fil-qrib hemm il-Pont ta' Kharaba u l-Pont ta' Gemarrin, li t-tnejn huma pontijiet Rumani.

Bosra għandha klima semiarida kiesħa (BSk skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). Tinżel ferm iktar xita fix-xitwa milli fis-sajf. It-temperatura annwali medja f'Bosra hija 16.4 °C (61.5 °F). Kull sena l-preċipitazzjoni tlaħħaq madwar 247 millimetru (9.72 pulzieri).

Data klimatika għal Bosra
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja f'°C (°F) 11.8

(53.2)

13.5

(56.3)

16.9

(62.4)

21.9

(71.4)

27.1

(80.8)

30.7

(87.3)

31.9

(89.4)

32.3

(90.1)

30.6

(87.1)

26.7

(80.1)

20.1

(68.2)

13.9

(57.0)

23.1

(73.6)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 2.1

(35.8)

3.1

(37.6)

5.3

(41.5)

8.5

(47.3)

11.9

(53.4)

14.6

(58.3)

16.1

(61.0)

16.3

(61.3)

14.6

(58.3)

11.8

(53.2)

7.7

(45.9)

3.5

(38.3)

9.6

(49.3)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 52

(2.0)

53

(2.1)

42

(1.7)

15

(0.6)

6

(0.2)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

10

(0.4)

22

(0.9)

47

(1.9)

247

(9.7)

Sors: climate-data.org[2]

Fl-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, Bosra kellha popolazzjoni li kien stmat li kienet tlaħħaq it-12,000 ruħ. Il-popolazzjoni tagħha żdiedet għal 19,683 ruħ skont iċ-ċensiment tal-2004 census tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tas-Sirja. Il-popolazzjoni taż-żona metropolitana tagħha kienet ta' 33,839 ruħ.

L-abitanti ta' Bosra huma b'mod predominanti Musulmani Sunniti u fil-biċċa l-kbira huma maqsuma bejn tmien klans ewlenin. Il-klan ewlieni huwa dak tal-Al-Mokdad, li jingħad li huma dixxendenti ta' sieħeb il-profeta Muħammed, Miqdad ibn Aswad. Huwa interessanti li l-klan għandu bosta membri b'xagħarhom bjond u b'għajnejhom blu. Madankollu, l-eqdem klan ta' Bosra huwa dak tal-Hamd. Il-membri tiegħu jsostnu li huma dixxendenti tal-gvernatur Ruman tal-qedem ta' Bosra, għalkemm membri oħra jemmnu li oriġinaw mill-Kruċjati u mil-Lhud. Fir-rigward tas-sjieda tal-art, il-klan tal-Hamd għandu madwar 1,000 ettaru fil-belt filwaqt li l-klan tal-Al-Mokdad għandu bejn wieħed u ieħor 12,000 ettaru. Il-membri tal-klan tal-aħħar kienu influwenti storikament fir-reġjun ta' Hauran u lil hinn, peress li kellhom membru fil-parlament Ottoman ta' Abdul Hamid II f'Kostantinopli matul il-perjodu tat-Torok Żgħażagħ u membru fil-parlament Sirjan matul il-perjodu tal-mandat Franċiż. Mill-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, il-membri tal-klan tal-Al-Miqdad okkupaw il-karigi ta' sindku, imam ewlieni tal-Moskea prinċipali ta' Al-Omari, kap tal-uffiċċju tal-antikitajiet tal-belt, kif ukoll maniġer tal-ħanut tat-twapet ta' Bosra u sid il-kafetterija prinċipali. Filwaqt li l-membri tiegħu tradizzjonalment kien jirresjedu fin-naħa tal-Lvant taċ-ċentru storiku ta' Bosra, attwalment huma prevalenti fil-belt kollha.

Bosra għandha wkoll komunità żgħira ta' Musulmani Xiiti magħmula minn xi ħamsin familja. Skont l-istoriku Palestinjan-Amerikan Hanna Batatu, l-abitanti Xiiti ta' Bosra "waslu pjuttost dan l-aħħar" u wettqu emigraw lejn il-belt minn Nabatieh fin-Nofsinhar tal-Libanu. Il-biċċa l-kbira tal-membri ħaddiema tal-komunità Xiita huma artiġjani jew ħaddiema manwali tas-sengħa. Batatu huwa tal-fehma wkoll li l-bidliet soċjali f'Bosra mill-indipendenza Sirjana wasslu għad-diffużjoni tribali, u l-għadd ta' żwiġijiet bejn membri ta' klans differenti u bejn il-komunitajiet Sunniti u Xiiti żdied b'mod sinifikanti.

Nies notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
  • San Timon id-Djaknu, is-seklu 1 W.K., protodjaknu u isqof Kristjan ta' Bosra;
  • Berillus ta' Bostra, is-seklu 3 W.K., isqof;
  • Shimon ben Lakish, is-seklu 3, amora tat-tieni ġenerazzjoni u rabbi;
  • Titu ta' Bostra, is-seklu 4 W.K., teologu Kristjan;
  • Sam Antipater ta' Bostra, is-seklu 5 W.K., isqof Kristjan;
  • Bahira, għall-ħabta tas-600, patri Assirjan;
  • Ibn Kathir (1301-1373), studjuż Iżlamiku.
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient City of Bosra". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-29.
  2. ^ "Climate data for cities worldwide". en.climate-data.org. Miġbur 2023-11-29.
{{bottomLinkPreText}} {{bottomLinkText}}
Bosra
Listen to this article

This browser is not supported by Wikiwand :(
Wikiwand requires a browser with modern capabilities in order to provide you with the best reading experience.
Please download and use one of the following browsers:

This article was just edited, click to reload
This article has been deleted on Wikipedia (Why?)

Back to homepage

Please click Add in the dialog above
Please click Allow in the top-left corner,
then click Install Now in the dialog
Please click Open in the download dialog,
then click Install
Please click the "Downloads" icon in the Safari toolbar, open the first download in the list,
then click Install
{{::$root.activation.text}}

Install Wikiwand

Install on Chrome Install on Firefox
Don't forget to rate us

Tell your friends about Wikiwand!

Gmail Facebook Twitter Link

Enjoying Wikiwand?

Tell your friends and spread the love:
Share on Gmail Share on Facebook Share on Twitter Share on Buffer

Our magic isn't perfect

You can help our automatic cover photo selection by reporting an unsuitable photo.

This photo is visually disturbing This photo is not a good choice

Thank you for helping!


Your input will affect cover photo selection, along with input from other users.

X

Get ready for Wikiwand 2.0 🎉! the new version arrives on September 1st! Don't want to wait?